Mietet Ta’ 24 Sena Wara Li Għamlet Plastic Surgery Fl-Imnieħer
Żagħżugħa ta’ 24 sena mietet wara li diversi organi f’ġisimha ma baqgħux jaħdmu, allegatament kawża ta’ operazzjoni fl-imnieħer li marret ħażin.
Leyla Sonmez għamlet operazzjoni tar-rinoplastija (nose job) f’Adana, it-Turkija. Voice recordings li bagħtet lill-ħabiba tagħha wara l-operazzjoni allegatament jgħidu li Leyla bdiet tobżoq id-demm u kienet qed issofri uġigħ addominali qawwi.
Minkejja li hija mietet fi Frar tal-2019, fl-aħħar sigħat ġew żvelati r-recordings tal-vuċi tagħha li hija bagħtet lill-ħabiba tagħha.
F’dawn il-messaġġi hija allegatament qalet hekk: “Ma rqadtx matul il-lejl. Kont skomda ħafna u saħansitra ntlift minn sensija ftit drabi. Id-demm qed joħroġli minn imnieħri u minn ħalqi. Naħseb li jista’ jkun ikolli nerġa’ nagħmel operazzjoni oħra. Għandi problema f’qalbi u għalhekk li kelli tbenġil fuq idejja u saqajja.”
Iżda l-familja tagħha qed isostni li huma ġew assigurati minn tabib li dak li kellha ma kienx serju u li hija mistennija terġa’ tkun fuq saqajha fi ftit jiem, minkejja l-kumplikazzjonijiet. Skond il-familja, l-istaff tal-isptar qalilhom li hija kienet tinsab tajba u li kienet se tinħeles mill-isptar fi żmien qasir.
Minkejja dan, il-kundizzjoni ta’ Leyla marret għall-agħar u ftit jiem wara ġiet trasferita fi sptar hekk kif sofriet attakk tal-qalb.
Għalkemm il-mediċi rnexxielhom jerġgħu jħaddmulha qalbha, ftit wara ġie skopert li hija kienet qed tbati minn ħsara b’diversi organi u minnufih ittieħdet fit-taqsima tal-kura intensiva.
Missierha, Ali Haydar Sonmez, sostna li l-mewt ta’ bintu kienet ikkawżata minn negliġenza u b’hekk ressaq ilment kriminali fil-qorti permezz tal-avukati tiegħu.