Min Se Jirċievi L-Appuntament Għall-Vaċċin Il-Ġimgħa D-Dieħla?
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne illum ħabbar li hekk kif issa f’pajjiżna se nibdew nirċievu wkoll il-vaċċin tal-Astrazeneca, il-pjan ta’ tilqim se jkun jista’ jimxi bi ħmistax il-ġurnata aktar ’il quddiem. Għaldaqstant persuni li għandhom mard kroniku serju se jibdew jirċievu l-appuntament għall-vaċċin, biex b’hekk min-nofs Frar jibdew jingħataw it-tilqima.
Id-Deputat Prim Ministru qal li kif l-Ewropa imxiet flimkien għax-xiri tal-vaċċin tal-Covid-19, għandu jitqies bħala eżempju u jiġi addottat għax-xiri ta’ mediċini oħra fosthom mediċini ġodda tal-kanċer li jiswew eluf ta’ ewro għal kull trattament.
Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-programmi nazzjonali tal-iscreening u kif matul l-aħħar xhur tas-sena saret ħidma biex jiġu rkuprati ix-xhur waqt il-pandemija li dan iċ-ċentru għamel magħluq.
“L-iktar ħaġa importanti li għandna fis-settur tal-onkoloġija jibqgħu l-istaff tagħna u l-persuni li jmissu ma’ dan il-post jafu kemm hawn staff dedikat,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, spjega li mill-ewwel jum wara l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Gvern b’mira ċara qabad it-triq biex jimplimenta bis-sħiħ il-miżuri relatati mal-kura u t-trattament tal-kanċer u jara t-twettiq ta’ diversi minn dawn il-miżuri u l-avvanz sodisfaċenti f’oħrajn.
Elenka diversi miżuri li ttieħdu fosthom li iż-żieda dejjem tikber ta’ mediċini kontra l-kanċer fuq il-formolarju tal-Gvern, l-estensjoni tal-iscreening, sessjonijiet ta’ taħriġ lill-professjonisti fis-saħħa biex dawn ikunu aġġornati fuq il-kodiċi Ewropej tal-kanċer u kampanji nazzjonali biex iwasslu messaġġi dwar ir-rabta bejn stil ta’ ħajja aħjar għas-saħħa u tnaqqis fir-riskju tal-kanċer fost il-popolazzjoni Maltija fost oħrajn. Dan kollu wassal biex il-Ministeru għas-Saħħa implimenta jew qiegħed fi stadju avvanzat li jimplimenta 71% tal-miżuri kollha li jaqgħu taħt dak id-dekasteru.
Enfasizza li filwaqt li f’pajjiżi oħra iċ-ċittadini jridu jħallsu għas-servizz tas-saħħa, f’pajjiżna l-Gvern nefaq u se jkompli jonfoq il-miljuni kbar sabiex is-servizz tas-saħħa jkompli jitjieb mingħajr ma jżid l-ebda piż finanzjarju. Fil-fatt, matul l-2020 in-nefqa fuq is-servizz tas-saħħa kienet dik ta’ €753 miljun, 13.3% tan-nefqa totali tal-Gvern. Dan il-perċentwal din is-sena se jitla’ għal €824 miljun jew 14.5% tan-nefqa totali tal-Gvern. Minn din iċ-ċifra ġew ivvutati €22 miljun speċifikament għat-trattament tal-kanċer. Dan juri kemm il-Gvern jieħu bis-serjetà l-ġlieda kontra din il-marda minkejja l-pandemija u l-effetti kollha li din ġabet fis-settur tas-saħħa.
Il-Ministru Abela temm jgħid li filwaqt li għad fadal iżjed miżuri li l-Gvern għadu qed iwettaq il-ħidma tiegħu fuqhom, il-Gvern hu kommess li l-wegħdi kollha tal-manifest b’mod speċjali fejn tidħol il-ġlieda kontra l-kanċer, dawn isiru għall-ġid tal-poplu kollu.