“Minkejja kollox l-ispettakli jibqgħu għaddejjin” – Massimo Zammit, Kap Eżekuttiv Ġdid tat-Teatru Manoel

 “Minkejja kollox l-ispettakli jibqgħu għaddejjin” – Massimo Zammit, Kap Eżekuttiv Ġdid tat-Teatru Manoel

Minkejja l-ostakli kollha, it-teatru nazzjonali ta’ Malta, it-Teatru Manoel, qed itella’ repertorju meraviljuż u varjat għall-istaġun 2020-2021, waqt li joffri opportunitajiet lill-artisti u ’l-kumpaniji ta’ produzzjoni li bħalissa qed iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet li ġabet magħha l-COVID-19.

Wieħed mill-akbar vittmi tal-pandemija tal-COVID-19 kien is-settur tal-arti, kemm internazzjonalment kif ukoll lokalment, hekk kif kull xorta ta’ spettaklu ġie mħassar, u t-teatri u l-postijiet dedikati għall-arti kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għall-pubbliku.

It-Teatru Manoel daħal għal din l-isfida b’impenn waqt li ġew osservati r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, il-komunità lokali ta’ artisti u kreattivi ngħaqdet flimkien biex toħloq numru ta’ inizjattivi online, u wasslet lill-pubbliku diversi xogħlijiet li ttellgħu fil-passat, fosthom opri, drammi, musicals u kunċerti, permezz ta’ streaming diġitali, filwaqt li pproduċiet diversi proġetti ġodda wkoll. B’hekk il-komunità artistika tqanqlet b’sens ġdid ta’ skop waqt li l-pandemija kompliet tinfirex.

U għaldaqstant, kontra kull kurrent, u minkejja l-COVID, fit-23 ta’ Ottubru li għadda t-Teatru Manoel nieda l-istaġun artistiku tiegħu għall-2020-2021.

Ittellgħu sensiela ta’ spettakli stupendi, fejn spikkat ir-reputazzjoni solida tat-teatru li joffri mużika klassika straordinarja lill-udjenzi tiegħu, u għażla ta’ xogħlijiet ta’ żfin u teatru li wkoll iffurmaw parti mir-repertorju.

Barra minn hekk, filwaqt li l-pantomima annwali tal-Milied kellha titħassar, il-Milied tal-2020 fit-Teatru Manoel xorta offra xi ftit ferħ festiv bil-Kunċert tal-Milied tal-ensemble tal-Barokk tal-Belt Valletta, produzzjoni innovattiva tal-favorita Dickensjana A Christmas Carol, Project Cabaret, li pprovda serata ferriħija miżgħuda b’interpretazzjonijiet oriġinali ta’ wħud mill-aktar għanjiet tal-Milied għal qalb in-nies, filwaqt li t-tenur Nico Darmanin kien il-protagonist tal-Christmas Special tat-Teatru Manoel.

Sadanittant, il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv dinamiku ġdid, Massimo Zammit, offra lit-teatru viżjoni ġdida, l-esperjenza tiegħu fl-immaniġġjar ta’ proġetti, l-impenn tiegħu biex jinkisbu r-riżultati u jinħoloq valur għall-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll l-għarfien espert tiegħu fit-tmun ta’ entitajiet oħra fil-passat jagħtuh l-għodda perfetta biex jassigura li, fil-mixja ’l quddiem, l-interessi tat-Teatru Manoel, u tal-artisti u l-udjenzi tiegħu, ikunu moqdija sew.

“Kuntent ħafna li ħadt dan l-irwol fi żmien daqshekk kritiku għas-settur artistiku,” qal Zammit.

“It-Teatru Manoel qed jagħmel dak kollu possibli biex jipproteġi lill-artisti u ’l-kreattivi waqt li joffri lill-udjenzi Maltin l-opportunità li jduqu xi ftit tal-benna kulturali waqt li l-pandemija, sfortunatament, tibqa’ tiddomina ħajjitna.

“Ix-xogħol li twettaq f’dawn l-aħħar tliet xhur u l-pjanijiet għall-ispettakli li ġejjin assiguraw li l-ġojjell tat-teatru nazzjonali tagħna jkompli jwassal produzzjonijiet ta’ kwalità għolja lill-pubbliku ġenerali u fl-istess waqt jippermetti lill-artisti tagħna jkomplu jesprimu l-isforzi kreattivi tagħhom.”, temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit ma’ StradaRjali.

U hekk kif bdiet l-2021, ir-ritmu ma naqasx. L-avveniment ferm mistenni u maħbub, il-Festival tal-Barokk tal-Belt Valletta, ġie mtella’ f’Jannar bis-sehem ta’ wħud mill-aqwa ismijiet lokali u internazzjonali fid-dinja tal-Barokk u l-mużika bikrija.

Sadanittant, għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għall-appuntament annwali, fi Frar, tal-opra tant maħbuba tat-Teatru Manoel, bi produzzjoni ta’ Dido and Aeneas, taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland, li se tkun miftuħa għall-udjenzi, b’miżuri stretti marbuta mal-pandemija.

Il-programm tat-Teatru Manoel għal matul Marzu u April 2021 jinkludi t-traduzzjoni Maltija ta’ “The Man Who Mistook His Wife for a Hat” ta’ Oliver Sacks, u produzzjoni li tagħti ġieħ lix-xogħlijiet tal-poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosofu Oliver Friggieri, li ħalliena f’Novembru li għadda.

F’Marzu, il-Youth Theatre tat-Teatru Manoel (TMYT) se ttella’ devised show ġdid fjamant li l-ensemble qed taħdem fuqu bħalissa.

Intant ŻfinMalta tinsab lesta biex ittella’ t-tul sħiħ tal-wirja 21 Dances for the 21st Century, filwaqt li f’April it-Teatru Manoel se jingħaqad mal-MADC biex jipproduċi Midsummer ta’ David Grieg, taħt id-direzzjoni ta’ Chris Gatt.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur www.teatrumanoel.com.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com