Probabbilment L-Aktar 5 Temi Popolari Li Kieku Se Jsir Il-Karnival Tan-Nadur…
1. Charmaine Gauci u l-Covid
Bla dubju, li kieku ħlisnieha mill-Covid19, in-Nadur ma kienx ser jeħlisa matul dan it-tmiem il-ġimgħa. Is-sena l-oħra kien hemm numru kbir ta’ persuni li użaw il-Covid19 bħala t-tema tal-grupp tagħhom, mur għid lil kulħadd li jiem wara kellna niġu fhiex ġejna. Pero li kieku l-Karnival ser issir, Charmaine Gauci bla dubju kienet tkun fost l-personalitajiet prinċipali flimkien ma’ għadd ta’ kostumi ta’ infermiera u tobba. Jaf kienu jnisslu tbissima, iżda fuq kollox jistħoqilhom grazzi.
2. “ħa qalanqas… anqas, anqas…”
Il-frażi l-ġdida fil-vokabolarju Malti imżewqa mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg. Frażi li dwiet ma’ kull rokna tal-midja soċjali wara li f’Jannar li għadda l-Ministru kien qed jagħmel argument fil-programm Pjazza u bħal donnu ħarbitlu waħda imżewqa. L-għada l-Ministru kien ċaħad li ħarbitlu u tagħna spjegazzjoni mirquma fil-lingwa Maltija. Żgur li din il-frażi kienet tiżżewwaq tajjeb f’xi karru jew maskarun tal-Ministru jew grupp ta’ ħaddiema li jinterpretaw xi wieħed mill-proġetti suċċess tal-istess Ministru. U minjaf xi siġra jew arbuxell ma kintix tidħol fl-istorja?
3. Delia u l-Grieg
Waħda mill-aktar kontroversji riċenti li ddominat il-midja lokali fl-aħħar xhur hija d-donazzjoni ta’ ‘il fuq minn €500,000 li l-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ippreżenta f’isem CATCO Group nhar l-ewwel tas-sena lid-Dar tal-Providenza. Donazjoni li spiċċat mhux milqugħa mid-Dar tal-Providenza. M’hemm dubju li l-krejattivita’ tal-Għawdxin jew il-Maltin li jżuru n-Nadur kienet ser tirkeb fuq dan l-avveniment li kien fuq fomm kulħadd. U xi ngħidu għal Bernard Grech u l-Greċja, minjaf kemm il-kustum ta’ xi alla grieg u bnadar ta’ lewn kaħlan kienu ser jidwu mat-toroq tan-Nadur.
4. Il-Kavallier ta’ Fomm ir-Riħ
Sandro Cetchuti ġustament jew intortament minn żmien għal ieħor dejjem jispiċċa f’xi nofs kontroversja. Riċentament sar mgħaruf li l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi xtara medda ta’ art kbira fl-inħawi ta’ fomm ir-riħ. Art li hu stmat li tiswa madwar 7 Miljun Ewro. Bħala sid tal-istess art Cetchuti għalaq l-aċċess li kien jgħati għall-bajja dilapitata fl-akwati. Anke jekk possibilment Cetchuti kellu dritt li jgħamel dan, il-grada li waħħal sabiex jgħalaq l-aċċess qajmet kontroversja sħiħa. It-tema tal-kostruzzjoni u l-iżviluppaturi kienet tema komuni fl-aħħar snin u żgur li ma kinitx ser tiskansa din is-sena. Ma’ Cetchuti jaf kienu jissemmew imprendituri u żviluppaturi oħra li bħalissa jinsabu fuq fomm kulħadd.
5. Yorgen, il-Kasco u Trump
Ġrajjiet politiċi u personaġġi b’rabta politika qatt ma jeħlusha ħafif mill-karnival tan-Nadur u mhux b’inqas kieku kien jiġri matul dawn it-tmiem il-ġimgħa.
Matul dawn l-aħħar xhur komplew iddominaw il-midja lokali s-smigħ ta’ numru ta’ inkjesti li magħhom hemm marbuta numru ta’ kwistjonijiet politiċi u l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Minkejja li r-rakkont ta’ dawn il-ġrajjiet forsi mhuwiex wieħed li tiddieħaq biħ, nafu kemm in-Nadurin u Għawdxin oħra ma jaħsbuwiex darbtejn f’ċertu satira.
U Xi ngħidu għal Trump? L-Ex President Amerikan ilhu jiddomina l-karnival tan-Nadur għal dawn l-aħħar 4 snin u din is-sena wara l-elezzjonijiet Amerikani, konvinti li l-maskri awtentiċi tiegħu u parrokki li jimitaw l-istil ta’ xagħaru kienu mill-ġdid jispiċċaw l-għażla ta’ bosta.
Bonus – L-Arċisqof Charles J. Scicluna
Il-karattru pompuż tal-Arċisqof Scicluna dejjem jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li f’okkażjoni bħal din jieħdu l-opportunità sabiex jiġbdu s-saqajn lil dawk il-karattri li matul is-sena bil-kummenti tagħhom iqajjmu diskussjoni li tniggeż jew x’imdaqqiet turta.
U int x’taħseb? Liema temi kont tinterprita li kieku ser iżżur l-karnival tan-Nadur?