Riċerka Sabiex Ikun Magħruf Fi Stadji Bikrin Li Ikel Ikun Ikkontaminat

 Riċerka Sabiex Ikun Magħruf Fi Stadji Bikrin Li Ikel Ikun Ikkontaminat

Proġett finanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija żviluppa metodu li ma jmissx u li ma jfarrakx l-ikel, sabiex jinstabu kontaminanti tal-mikrobi li jħassru l-ikel.​​

Dan il-proġett, li ffoka fuq fungi li jikber bil-mod fi prodotti tal-ħalib, involva kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru għal Bijomediċina u ċ-Ċibernetika, id-Dipartiment tax-Xjenzi tal-Ikel u n-Nutrizzjoni fl-Università ta’ Malta, u Farm Fresh Ltd. Il-proġett irċieva €195,000.​

Kull sena l-industrija Ewropea tal-ħalib tipproċessa madwar 152 tunnellata ta’ ħalib nej, għall-konsum jew għall-produzzjoni tal-ikel, prodotti farmaċewtiċi u tal-għalf. Il-ħalib nej mogħti mill-1.6 miljun bidwi tal-UE-25, proċessat mill-industija tal-ħalib, għandu sehem importanti ħafna f’żoni rurali, u l-industrija tal-ħalib tirrappreżenta madwar 15% tal-fatturatura tal-industrija tal-ikel u x-xorb fl-Ewropa li timpjega madwar 13% tal-ħaddiema kollha.

Eżamijiet tipiċi li bħalissa jintużaw għall-analiżi tal-prodotti tal-ħalib,  jużaw proċeduri twal ħafna li jistgħu jieħdu minn 24 sa 36 siegħa biex janalizzaw il-batterji, u minn seba’ sa tmint ijiem għall-analiżi tal-fungi.

Huwa minnu li metodi alternattivi bħal ma huma r-rapid genomic subtyping jieħdu anqas żmien però dawn jiswew ħafna aktar għall-SMEs li ma jmexxux dipartiment ta’ Riċerka u Żvilupp tagħhom stess, filwaqt li r-riżultati li jagħtu metodi bħall-infrared spectroscopy jistgħu jkunu limitati jekk il-preżenza tal-ilma tkun ‘il fuq mil-limiti speċifiċi.

Dr Owen Falzon (Senior Lecturer fiċ-Ċentru għal Bijomediċina u ċ-Ċibernetika tal-Università ta’ Malta) qal li, “Il-konsorzju tal-‘FIHI project’ investiga l-użu ta’ parti tal-kamera iperspektrali biex jinvestigaw karatteristiċi ta’ prodotti tal-ikel. Dawn ir-ritratti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-fingerprint tal-karatteristiċi tal-kompożizzjoni tal-oġġett li jkun qed jiġi analizzat”.

Huwa żied jgħid li, “Permezz tal-ipproċessar u l-analiżi tad-data iperspektrali, din is-sistema tista’ tgħin sabiex tidentifika prodotti li jkunu kkontaminati kif ukoll tnaqqas il-ħin u x-xogħol fuq l-ispezzjonijiet fuq il-kampjuni tal-ikel. Fid-dawl tal-mard riċenti li ġej mill-ikel, jekk il-kontaminazzjoni tal-ikel tiġi determinata kmieni fil-katina tal-ipproċessar, dan jista’ jwassal għal azzjoni immedjata sabiex jipprevjenu li prodotti oħra jiġu kkontaminati fuq il-linja tal-produzzjoni u tat-tqassim. Dan iwassal għal impatt sinifikanti soċjali kif ukoll ekonomiku, speċjalment f’reġjuni li huma f’riskju akbar.

Il-ġbejna li tifforma parti integrali mill-wirt storiku tal-ikel Malti, hija magħmula mill-baqta tal-mogħoż u tan-nagħaġ u li jkun immaturat għal diversi xhur sabiex tiżviluppa t-togħma distintiva tagħha. Waqt il-proċess tal-maturità, il-ġobon jista’ jiġi kkontaminat minn fungi u ma jkunx sigur sabiex jittiekel mill-bniedem.

Dan huwa riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika u jista’ jippreżenta danni finanzjarji għall-produtturi. Metodi konvenzjonali tal-mikrobijoloġija jistgħu jinvolvu analiżi u proċeduri dewwiema sabiex jinstabu dawn il-fungi li ma jidhrux, u allura xi kultant jista’ jkun hemm xi prodotti kkontaminati.

Sabiex tiġi eżaminata din l-ipotesi, ġiet prodotta ġbejna mudell bl-involviment ta’ Farm Fresh Ltd. Tħejjew studji ta’ stabbiltà, billi ttieħdu l-qisien tal-kolonji li jkunu qed jiffurmaw, l-attività tal-ilma, il-livelli tal-umdità, tal-pH, il-proteini u taz-zokkor. Dan il-mudell tal-ġbejna imbagħad tpoġġewlu strains fungali li ġew iżolati mill-ġbejna kummerċjali u ttieħdu ritratti bl-użu tal-kamera iperspektrali.

Waqt avveniment fejn ir-riżultati ta’ dan il-proġett ġew spjegati lill-pubbliku, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrategija għal wara l-Covid-19 Owen Bonnici spjega li dan il-proġett jitfa’ dawl fuq l-importanza tal-investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni bil-għan li noħolqu l-ġid.

“Dan il-proġett juri biċ-ċar il-ġid kbir li ħareġ mill-ħolqien ta’ konsorzja bejn entitajiet pubbliċi u privati”, sostna l-ministru, waqt li qal li sar trasferiment ta’ għarfien fiż-żewġ direzzjonijiet fi ħdan il-konsorzju.

“B’dan il-mod nistgħu nikkonkretizzaw ir-riċerka biex tagħti soluzzjonijiet għall-isfidi li ġew affaċċjati mhux biss fi ħdan ix-xjenza imma anke fejn jidħlu l-oqsma ta’ tkabbir ekonomiku u impatt kompetittiv”, qal il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) ngħata mandat sabiex joffri sapport mhux biss lill-istituzzjonijiet akkademiċi, iżda wkoll lill-entitajiet privati u pubbliċi li jrawmu r-riċerka u l-innovazzjoni u li jmexxu il-kompetittività internazzjonali. Permezz tal-program FUSION, l-MCST jipprovdi sapport fuq żewġ livelli; l-ewwel sabiex iservi ta’ gwida dwar il-fattibilità  tal-proġett fuq livell teknoloġiku, fosthom dwar aspetti bħal impatt ekonomiku u oħrajn relatati mas-suq. It-tieni, jingħata sapport finanzjarju konsiderevoli biex niffaċilitaw attivitajiet ta’ riċerka kollaborattiva u dik applikata”. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għal kull minn kien involut fil-proġett.

Wieħed jista’ jara l-avveniment hawn:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com