Tibdil Fis-Sillabu U Fl-Eżamijiet Tas-SEC – Il-Ministru Justyne Caruana Tispjega

 Tibdil Fis-Sillabu U Fl-Eżamijiet Tas-SEC – Il-Ministru Justyne Caruana Tispjega

F’intervista ma’ Manuel Micallef waqt il-programm Sibt il-Punt fuq One Radio, il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar ir-riforma li se tkun qed issir fir-rigward tal-eżamijiet tas-SEC għas-sentejn li ġejjin.

L-Onorevoli Caruana stqarret li l-għan huwa li “nżommu l-livell pero’ nneħħu l-affarijiet żejda”. Hija spejgat li wieħed irid jinterpreta l-kelma ‘żejda’ fil-kuntest tal-pandemija, hekk kif f’ċirkustanzi normali dan il-materjal mhuiex żejjed, iżda fiċ-ċirkustanza preżenti kien jeħtieġ li jsir xi tibdil sabiex jiġu ndirizzati l-preokupazzjonijiet tal-istudenti.

Hija fakkret kif Malta huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li fetaħ l-iskejjel u li minkejja kollox żammhom miftuħa. Pero’ hija ammettiet li minkejja dan, is-sitwazzjoni tal-pandemija xorta waħda ghandha impatt fuq l-edukazzjoni.

Ir-riforma mhux se tkun qed tnaqqas il-livell, infatti kull min jieħdu ċeritikat din is-sena se jkun qed jirċievi ċeritifikat li huwa validu bħal tas-snin ta’ qabel. Dan ifisser li l-livell se jibqa’ l-istess, pero’ l-kontenut se jkun qed jitnaqqas; il-kwalifika se tibqa’ l-istess minkejja l-bidla fl-assessjar.

Pereżempju, fil-każ tas-suġġett tal-Malti, l-istudenti se jkunu qed jistudjaw inqas poeżiji u fil-każ tal-Maths ukoll se jkun hemm tnaqqis fis-sillabu. Dan japplika għal diversi suġġetti oħrajn.

Dawn ir-reviżjonijiet qed isiru fid-dawl tal-pandemija, għaliex wieħed ma jistax jinjora l-fatt li l-istudenti ġew milquta b’mod dirett.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li bħala Ministeru żammew saqajhom mal-art u raw kif jagħmlu sabiex dawk l-affarijiet fil-kurrikulu li l-istudenti jistgħu jgħaddu mingħajrhom jiġu mnaqqsa sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu jimxu l-quddiem minkejja s-sitwazzjoni preżenti.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com