UFFIĊJALI – Enzo Potenza lura bħala kowċ ta’ Floriana
Ritratt li ttieħed it-Tnejn wara nofsinhar jikkonferma li Enzo Potenza mil-lum irritorna fit-tmexxija ta’ Floriana.
L-aħbar kienet fl-arja iżda issa ġiet ikkonfermata bl-ewwel kuntatt li Potenza kellu mad-diriġent lura fil-klabb Johann Said, biex mil-lejla l-ex kowċ ta’ Senglea Athletic, li l-istaġun li għadda rebaħ il-Kampjonat mal-Greens jmexxi l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fid-determinazzjoni ta’ Floriana li jsalvaw staġun sa issa pjuttost fallimentari.
Potenza beda l-istaġun ma’ Floriana, kien fit-tmun fil-mixja Ewropeja li rat lill-Greens jikkwalifikaw b’rebħa fl-Irlanda ta’ Fuq kontra Linfield fis-sajf illi għadda, kienu saħansitra pass il-bogħod mill-istorja u l-ewwel klabb Malti li jkun ikkwalifika għall-fażi Preliminari ta’ kompetizzjoni Ewropeja iżda l-għoti tal-penalties f’Ta’ Qali kontra l-Estoni FC Flora Talinn ċaħduhom minn din il-Kwalifikazzjoni storika fit-tarġa ta’ qabel il-gruppi tal-UEFA Europa League.
It-Taljan temm ir-relazzjoni ma’ Floriana f’Diċembru li għadda, separazzjoni bejn iż-żewġ naħat li iżda damet biss ftit aktar minn sitt ġimgħat, li matulhom ħa t-tim f’idejh fit-tmexxija tal-arja teknika John Buttigieg, l-affarijiet ma marrux kif mixtieq, biex issa Potenza rritorna u jibda l-preparamenti għall-logħba mportanti ta’ tmiem il-ġimgħa li ġejja nhar is-Sibt li ġej fis-6pm, li l-Greens għandhom kontra Gudja United.