X’Ippuntaw Lejn Il-Ministru Owen Bonnici?

 X’Ippuntaw Lejn Il-Ministru Owen Bonnici?

Dak li qed taraw fir-ritratt huwa apparat teknoloġiku ta’ Tracking li meta persuna tkun qed tfittex ‘asset’ partikolari li jkollu tag, jinstab permezz ta’ intensività fid-daqq tal-apparat.

Kemm it-tracker u anke t-tag, isiru mill-kumpanija Maltija HandsOn Systems li jinsabu fit-Techo Park fil-Mosta.

Il-Kumpanija HandsOn Systema hija kumpanija lokali li fl-aħħar għaxar snin mit-twaqqif tagħha applikat ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex toħloq teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda li mbagħad tikkommerċjalizzahom ma’ diversi klijenti lokali u internazzjonali.  Dawn l-innovazzjonijiet jintużaw f’prodotti u sistemi li jtejbu l-operat tal-azjendi u jsaħħu l-kwalità tal-ħajja f’diversi oqsma importanti bħas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent.

Hu u jżur din il-kumpanija fiċ-ċentru tagħha fil-Mosta Techno Park il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Dr Owen Bonnici faħħar il-ħidma li tagħmel din il-kumpanija fejn bir-riċerka tagħha toħloq soluzzjonijiet f’setturi bħall-“unmanned Aerial Vehicles”, vetturi elettriċi u applikazzjonijiet li jużaw l-aħħar teknoloġiji, bħalma huma l-RFID, fl-oqsma tat-tracking u fil-qasam tal-internet ta’ l-oġġetti.  Huwa qal li din il-kumpanija wettqet anke riċerka b’fondi tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) bħala parti minn proġett ikbar sabiex toħloq innovazzjonijiet f’aspett mill-ħidma loġistika marbuta mas-settur tal-avjazzjoni.

Sostna li l-portafoll ta’ klijenti internazzjonali ta’ din il-kumpanija huwa wieħed b’saħħtu ħafna u jawgura tajjeb għal iktar ħidma f’dan is-settur għall-futur.

Il-kumpanija qed toffri wkoll l-aħħar soluzzjonijiet avvanzati, bħalma huma sistemi ta’ tracking fil-qasam ta’ trasport, fl-isptarijiet u anke fl-azjendi.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com