Appell Sabiex Ikun Hemm Ventilazzjoni Meta Jintuża Apparat Li Jaħdem Bil-Gass

 Appell Sabiex Ikun Hemm Ventilazzjoni Meta Jintuża Apparat Li Jaħdem Bil-Gass

Stephen Muscat, li għal dawn l-aħħar 35 sena ħa ħsieb pazjenti li kienu qed isofru minn ivvalenar tal-monossidu tal-karbonju, qal li ħafna drabi, il-kawża tal-mewt tkun in-nuqqas ta’ ossiġnu, u mhux il-ħruġ tal-gass.

F’intervista ma’ Times of Malta, Muscat appella sabiex kulħadd jassigura li jkun hemm ventilazzjoni tal-arja kif suppost ħdejn appliances li jaħdmu bil-gass jew bil-fjuwil.

Spjega kif il-monossidu tal-karbonju li jinħoloq minn heater li tkun għadha ġdida fjamanta u li taħdem perfetta iżda titpoġġa f’kamra żgħira magħluqa kapaċi jkun fatali fi ftit minuti.

L-inċidenti riċenti li fih tilef ħajtu żagħżugħ ta’ 19-il sena ma kienx l-unika wieħed tax-xorta tiegħu.

Fl-2018, kaptan ta’ vapur u l-partner tiegħu instabu mejta f’Għawdex hekk kif kien hemm ħruġ tal-istess gass minn forn. Is-sena ta’ qabel, raġel miet filwaqt li ieħor iddaħħal l-isptar wara li aktarx soffrew minn ivvalenar tal-monossidu tal-karbonju fl-Imsida. U fl-2014, 14-il persuna sofrew ivvalenar simili waqt riċeviment ta’ tieġ, hekk kif BBQ iddaħħal ġewwa.

Mal-istess gazzetta, Muscat spjega li kwalunkwe ħaġa li taħraq il-fjuwil tal-karbonju, bħall-petrol, diesel, gass, injam u faħam, għandha bżonn ventilazzjoni xierqa. Jekk ma jkunx hemm din, fi ftit minuti, il-ġisem jispiċċa mingħajr ossiġnu hekk kif dan jeħodlu postu l-monossidu tal-karbonju.

Qal li għall-ewwel, il-persuna taqbadha uġiegħ ta’ ras, iżda ma xxomm xejn. Imbagħad, iż-żewġ organi li jiddependu mill-ossiġnu, iġifieri l-moħħ u l-qalb, jieqfu jaħdmu.

Innota li l-apparat li jinduna bil-preżenza tal-monossidu tal-karbonju kien qed jitjieb, iżda rrimarka li wieħed m’ għandux jiddependi fuq dawn biss, u jara li jkun hemm ventilazzjoni.

Muscat appella wkoll li għandu jkun ipprojbiet li heaters tal-ilma li jaħdmu bil-gass jitwaħlu fil-kmamar tal-banju, u li dawn għandhom jitpoġġew fuq barra.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com