Bil-Ħaxixa Ser Immorru Għall-Aħjar Jew Għall-Agħar?

 Bil-Ħaxixa Ser Immorru Għall-Aħjar Jew Għall-Agħar?

Ilbieraħ wara nofsinhar f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern qed jipproponi li ma jittieħdux passi kontra min jinqabad fil-pussess ta’ 7 grammi jew inqas ta’ ħaxixa, li jistgħu jitkabbru sa erba’ pjanti f’residenzi privati, filwaqt li dawk li fil-passat tappnu l-kondotta minħabba reati li issa qed ikun propost li mhux se jibqgħu meqjusa bħala reat kriminali, jistgħu japplikaw biex inaddfuha.

Minuri taħt it-18-il sena li jinqabdu fil-pussess jew konsum tal-kannabis se jitressqu quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja u mhux il-Qorti, filwaqt li l-użu tal-kannabis jista’ jsir f’residenzi privati biss u ma jistax isir quddiem it-tfal. Min jinqabad juża’ l-kannabis f’postijiet pubbliċi jista’ jeħel multa ta’ €233.

40,000 PERSUNA JPEJPU L-ĦAXIXA
Skont l-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, b’filmat li kienet ippublikat f’April li għadda, il-Gvern għandu sondaġġ li juri kif f’pajjiżna hawn madwar 40,000 persuna li jagħmlu użu mill-kannabis għall-użu rekrejazzjonali. Fi kliemha l-użu tal-kannabis f’pajjiżna huwa mifrux sew fis-soċjetà tagħna.

EBDA REAZZJONI MILL-OPPOŻIZZJONI
S’issa għad ma kienx hemm l-ebda reazzjoni mill-Partit Nazzjonalista għal dak imħabbar mill-Gvern ilbieraħ wara nofsinhar. Għalkemm fil-Partit Nazjonalista jidher li hemm xettiċiżmu għal dan il-pass, il-Kap tal-Oppozizzjoni ġieli tkellem dwar dan is-suġġett u dejjem saħaq fuq diskussjoni u qabel li min jinqabad b’pussess tal-kannabis m’għandux jiġi imħarrek jew jitbgħat il-ħabs.

Jihder li sa issa għadhom lanqas ma tkellmu għaqdiet bħal Caritas, li dawn mhux l-ewwel darba li tkellmu f’diskussjoni fuq it-televiżjoni li huma kontra dan il-pass.

IR-REAZZJONI TAL-PUBBLIKU
Fl-aħħar 18-il siegħa, d-diskussjoni fuq il-midja soċjali għal dak imħabbar mill-Gvern ma waqfet xejn. Jidher li b’mod ġenerali huma bosta dawk li laqgħu bi ħġarhom din l-aħbar imħabbra mill-Prim Ministru.

Oħrajn kritikaw il-fatt li l-ammont ta’ grammi jaf huwa wisq u li dan jaf iġib miegħu sfidi kbar fil-komunità, filwaqt li jintbagħat messaġġ ħażin.

L-Għaqda mhux governattiva ‘reLeaf’, li ilha snin tikkampanja favur dan il-pass, ilbieraħ laqgħet b’sodisfazzjoni dak imħabbar mill-Gvern u appellat għal diskussjoni matura.

Sadanittant, int x’taħseb dwar dak imħabbar mill-Gvern? Taqbel mat-tkabbir tal-ħaxixa fid-dar? Taħseb li l-ammont ta’ bejn 7 u 28 gramma huwa wisq?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com