Dehra Ġdida Għall-Fondazzjoni Għaż-Żoni Turistiċi

 Dehra Ġdida Għall-Fondazzjoni Għaż-Żoni Turistiċi

Il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi qedgħa tniedi immaġini korporattiva ġdida sabiex id-dehra tal-entita’ tiġġedded maż-żminijiet. Immaġini li tirrifletti t-tiġdid fi ħdan l-entita’ li għandu jkompli jgħin fil-ħidma kollettiva tal-Gvern li jiġi offrut prodott turistiku ta’ kwalita’.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti minħabba l-miżuri b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19 l-entita’ għażlet li tuża dan iż-żmien sabiex tiġġedded fl-istrutturi u d-dehra tagħha, bl-għan li tkun lesta għal żminijiet aħjar; meta Malta terġa tibda tilqa’ lit-turist.

Il-logo l-ġdid tal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi jikkostitwixxi l-viżjoni tal-Fondazzjoni biex toħloq prodott turistiku ta’ eċċellenza. Il-logo huwa magħmul minn marka distintiva li tippreżenta l-ħsieb proattiv tal-entita’ u l-impenn li kontinwament tfittex li tilħaq l-aspettativi tal-industrija, f’dan is-settur ħaj, li jiżviluppa b’mod kontinwu u b’rata mgħaġla.

L-element grafiku huwa imfassal sabiex juri l-identità Maltija filwaqt li jirrapreżenta l-ħidma pasjonanti tal-ħaddiema. Il-kuluri jirrapreżentaw il-baħar u n-natura, żewġ elementi importanti fil-prodott turistiku tagħna.

Fil-jiem li ġejjin il-Fondazzjoni flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur mistennija tkompli ssaħħaħ l-komunikazzjoni mal-istakeholders fis-settur filwaqt li tifrex il-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz ta’ sit ġdid online u preżenza aktar konkreta fuq il-midja soċjali.

Dan l-impenn għandu jikkumplimenta xogħolijiet kontinwu li l-Fondazzjoni taħdem fuqu minn żmien għal ieħor u t-tnedija ta’ proġetti ġodda u ambizjużi għaż-żmien li ġej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com