€105,000 Lill-Ġenituri Li Waqfu Mix-Xogħol Biex Jieħdu Ħsieb Uliedhom
270 persuna u familja se jirċievu €105,000 permezz tal-benefiċċju għall-ġenituri li kellhom jieqfu mix-xogħol sabiex jieħdu ħsieb uliehdom, fid-dawl li l-iskejjel ingħalqu bħala miżura sabiex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Ministru Michael Falzon qal li 80% mill-1,000 applikazzjoni li rċieva kienu validi, u għaldaqstant se jkunu qed jirċievu dan il-benefiċċju sal-11 t’ April.
Falzon spjega kif dan il-benefiċċju huwa mmirat sabiex il-ħaddiema jibqgħu inċentivati sabiex ikomplu jaħdmu, filwaqt li jkun hemm serħan il-moħħ kemm għat-tkomplija tal-impjieg u kif ukoll sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jieħdu ħsieb uliedhom waqt il-pandemija.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega kif s’issa ġew ipproċessati 44% tal-applikazzjonijiet, u l-kumplament se jinħadmu fil-jiem li ġejjin.
Spjega wkoll li l-ispiża totali titla’ għal €116,800 meta jiġu inkluża l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa.
Fuq l-applikazzjonijiet kollha li daħlu sa issa, mistennija titħallas is-somma ta’ €320,000.
Ritratt: Pierre Sammut / DOI