F’Malta Se Jkollna Kummissjoni Ġdida Favur Id-Drittijiet Umani

 F’Malta Se Jkollna Kummissjoni Ġdida Favur Id-Drittijiet Umani

Malta qed tappoġġja l-konklużjonijiet dwar it-tisħiħ fl-applikazzjoni taċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

Waqt il-Kunsill Ministerjali Informali tal-Ministri għall-Ġustizzja, il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar iż-żamma tad-data ta’ kommunikazzjoni elettronika hija li hemm bżonn ta’ azzjoni komuni u uniformi dwarha.

Din l-uniformità tista’ ssir b’direttiva ġdida li tagħti lill-awtoritajiet investigattivi s-saħħa li jiġġiedlu l-kriminalità.

Zammit Lewis żied jgħid li hemm bżonn ta’ rispett kontinwu lejn id-drittijiet umani, fosthom il-privatezza, u għaldaqstant kull interferenza għandha tkun legali, meħtieġa u proporzjonali.

Saħaq li Malta tgħożż l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura u s-saltna tad-dritt, li huma meħtieġa fi kwalunkwe demokrazija moderna. Hawnhekk għamel referenza għar-riformi li saru f’Malta biex ikunu msaħħa l-kunċetti demokratiċi.

Dwar l-ugwaljanza relatata mad-drittijiet umani, speċjalment fejn jidħol il-ġeneru, spjega kif f’Malta għaddej proċess leġiżlattiv dwar abbozzi ġodda li jiġġieldu kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni u jistabbilixxu Kummissjoni indipendenti ġdida favur id-drittijiet umani u l-ugwaljanza.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com