GĦADA! Jibda Mużika Mużika.
Din hija Ċelebrazzjoni ta’ Mużika Maltija b’ritorn grandjuż fuq it-televiżjoni
Għada l-mużika Maltija ser tirritorna fuq il-palk permezz ta’ Mużika Mużika – produzzjoni televiżiva maqsuma fuq tliet serati spettakolari!
Dan l-ispettaklu tant mistenni ser joffri pjattaforma xierqa lill-kanzunetta Maltija, b’20 kanzunetta semifinalista li ser tkun qed tikkompeti għal post fil-finali ta’ nhar is-Sibt 20 ta’ Marzu. Ser ikun hemm ukoll il-Classics Night, lejla mhux kompetittiva l-Ġimgħa 19 ta’ Marzu fejn il-parteċipanti ser ikunu qed jidwettaw ma’ diversi kantanti veterani li żgur ma għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni. Tajjeb ngħidu li d-diski li ser ikunu qed jikkompetu għadhom ma ġewx żvelati u ser inkunu qed nisimgħuhom għall-ewwel darba fl-ewwel serata!
Aktar kmieni din il-ġimgħa ġie żvelat li l-artisti mistiedna ħa jkunu ħadd aktar minn The Travellers, Olivia Lewis u Emma Muscat – li ser ikunu qed jagħtu prestazzjonijiet live.
Bi stage fenomenali li ser ikun qed jospita fost l-aqwa talent lokali, din il-produzzjoni televiżiva żgur ser tkun waħda mill-isbaħ. Għalkemm mhux ser ikun hemm udjenza preżenti, l-organizzaturi xorta waħda ħasbu biex iżommu l-atmosfera attiva b’kollegamenti live minn wara l-kwinti ma’ Gianni Zammit u Taryn Mamo Cefai, biex l-ispettaturi jkunu jafu x’qed jiġru fuq is-sett permezz tal-midja soċjali.
Aħna ninsabu eċitati ħafna biex naraw Mużika Mużika u l-artisti jikkompetu għall-aqwa kanzunetta Maltija. Awguri lill-parteċipanti kollha!
Mużika Mużika ser jixxandar live fuq TVM fid-9:00pm bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu 2021. Titilfuħx!