Il-Hair & Beauty Federation Qed Jaslulha Lmenti Li Wħud Qed Joffru Servizz Fid-Djar
Aktar kmieni illum wara nofsinhar, il-Hair & Beauty Federation bagħtet ittra elettronika indirizzata lill-Prim Ministru ta’ Malta sabiex tiġbed l-attenzjoni fuq żewġ kwistjonijiet ewlenin.
L-ewwel nett, il-Federazzjoni li tirrapreżenta lit-terapisti tas-sbuħija, l-istilisti tax-xagħar u oħrajn li jaħdmu fis-settur, ilmentat li għandha informazzjoni li ċerti ndividwi qed jibqgħu joffru s-servizz tagħhom barra mis-salons, ġeneralment fid-djar tal-klijenti. Il-federazzjoni talbet kjarifika dwar jekk dan hux permissibbli skond ir-regolamenti, hekk kif jidher li hemm sens ta’ konfużjoni dwar x’verament ifissru r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija. L-HBF appellat biex jekk dan mhuwiex permissibbli, jibda’ jsir l-infurzar meħtieġ sabiex min qed jikser il-liġi jkun ippenalizzat. Intqal li qabel ingħalqu s-salons, ma kienx qed isir l-infurzar meħtieġ u dan spiċċa biex wassal għall-għeluq tas-salons kollha. L-HBF tappella għal aktar infurzar sabiex l-istorja li mal-ħażin jeħel it-tajjeb ma terġax tirrepeti ruħha.
Intant, il-Federazzjoni saħqet ukoll li wasal iż-żmien li persuni li jaħdmu f’dan is-settur jieħdu t-tilqima kontra l-coronavirus, hekk kif xogħolhom jirrikjedi nterazzjoni ma’ diversi klijenti. “Għalkemm mhux servizz essenzjali, imma huwa servizz importanti għal bilanċ fil-ħajja ta’ kuljum”, żied jgħid Jesmond Friggieri, li huwa s-segretarju eżekuttiv tal-Hair & Beauty Federation.
Ritratt: The Denver Post