Il-Prim Ministru B’Laqgħa Ħelwa Mal-Ewwel Anzjana Li Tlaqqmet Kontra L-COVID-19
It-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa virtwali ma’ Mary Pizzuto, l-ewwel anzjana li ġiet imlaqqma bil-vaċċin għal kontra l-COVID-19.
F’mument qasir iżda pjuttost ħelu, il-Prim Ministru u Mary, li hija residenti f’San Vinċenz de Paule, tkellmu fuq diversi affarijiet, fosthom it-Tieni Gwerra Dinjija.
Mary, li għandha 91 sena, għadha tiftakar meta sar u x’ħin kien l-ewwel ‘air raid’, u x’kien ġara dakinhar.
Il-Prim Ministru saqsiha x’kienet tagħmel fil-passat, u spjegat kif kienet mara tad-dar u kienet tħobb tħiet.
Ma naqasx milli jsaqsiha fuq uliedha, b’Mary tgħidlu li għandha tlett itfal u li kollha jċemplulha kuljum.
Il-Prim Ministru wiegħda li wara li tgħaddi l-pandemija jiġi jżurhom, b’Mary tieħu gost b’dan filwaqt li faħħret lill-istaff tal-istess Residenza.
Mument ieħor ħelu kien dak li sar lejn l-aħħar tal-laqgħa virtwali, hekk kif Mary tefgħet bewsa lill-Prim Ministru u qaltlu “Il-Bambin iħarsek!”.
It-tbissima simpatika tal-Prim Ministru żgur li ħalliet sens ta’ kuntentizza f’Mary u dawk kollha li segwew din il-laqgħa ħelwa bejn it-tnejn li huma.