Infermiera Tgħannaq Pazjent Li Rkupra Mill-COVID Minkejja Li Ma Kellu Ebda Tama Li Jfiq
Maurizio minn Catania jgħid li l-wegħda li għamlet martu ma’ Sant’Agata wasslet biex huwa reġa’ ħa ħajtu lura.
Minkejja li Maurizio Giustolisi, ta’ 45 sena, kien raġel b’saħħtu ħafna, tant li kien jiġri fil-maratoni, l-COVID kellha mpatt qawwi fuq is-saħħa tiegħu. Ir-raġel qatta’ 12-il xahar fl-isptar u kien se jitlef ħajtu 3 darbiet, infatti għal ħafna mill-ħin il-pulmun tiegħu kien imqabbad ma’ magna sabiex ikun jista’ jiffunzjona.
Dan ir-raġel għandu fiduċja li huwa rnexxielu joħroġ mis-sitwazzjoni li kien fiha grazzi għall-wegħda ta’ martu. Hija għamlitha meta t-tobba qalulha li ma kienx baqa’ ebda tama u li kien se jkollhom jitfu l-magna. F’dak il-mument hija marret f’Katidral u għamlet il-wegħda ma’ Sant’Agata. Ftit taż-żmien wara Maurizio ċaqlaq idu u minn hemm reġa’ beda jieħu l-ħajja. Kif jidher mir-ritratt, l-infermiera ħassew emozzjonijiet kbar ta’ ferħ u bilkemm riedu jemmnu li dan il-pazjent kien beda jirkupra.
Minkejja li huwa issa jinsab f’qagħda stabbli, Maurizio jibqa’ affettwat mir-riperkussjonijiet tal-COVID. Minħabba x-xhur sħaħ li qatta’ f’qiegħ ta’ sodda huwa tilef ħafna mill-muskoli, iżda diterminat li jkompli jiġġieled sabiex jieħu saħħtu lura.