‘Infrastructure Malta’ B’Numru Ta’ Fatti Dwar Ix-Xogħlijiet F’Ħad Dingli

 ‘Infrastructure Malta’ B’Numru Ta’ Fatti Dwar Ix-Xogħlijiet F’Ħad Dingli

Wara li lbieraħ il-Moviment Graffiti kkampja f’Ħad Dingli sabiex jitwaqqaf l-iżvilupp ta’ triq ġdida fl-istess lokalita’, Infrastructure Malta ddefendiet dak li qed isir billi ppublikat dawk li skont l-entità huma fatti.

Fost dawn hemm li l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li x-xogħol mhux illegali, filwaqt li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet permess biex jinqalgħu 3 siġriet sabiex tinbena t-triq il-ġdida.

Intqal ukoll li Transport Malta ħarġet permess biex isiru x-xogħlijiet, u li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli kien approva l-bini ta’ din l-istess triq ġdida.

Dwar l-aħħar punt ġie spjegat ukoll li r-residenti ta’ Sqaq il-MUSEUM kienu talbu lill-istess Kunsill sabiex itejjeb l-aċċessibiltà billi jifforma triq ġdida. Dan hekk kif l-aċċess eżistenti kien deskritt bħala wieħed “inaċċettabbli”.

Infrastructure Malta żiedet tgħid li hemm l-approvazzjoni tas-Sovrintedenza tal-Patrimonju Kulturali u li intleħaq ftehim dwar l-esproprjazzjoni mas-sidien tal-art fejn qed isiru x-xogħlijiet, u se jiġu kkumpensati kif xieraq.

Intant, tliet residenti tal-istess triq fetħu protest ġudizzjarju kontra Moviment Graffiti, u kienu kwotati jgħidu li l-attivisti qed joħolqu ostaklu għax-xogħlijiet b’mod abbużiv, klandestinament u kontra x-xewqa tar-residenti. Dan filwaqt li l-waqfien tax-xogħol qed ikun ta’ dertriment għas-sigurtà tal-istess residenti.

It-Tlieta filgħaxija, wara li saru l-protesti, il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli kellu laqgħa urġenti, u fiha l-Kunsilliera qablu unanimament li jappoġġjaw ix-xogħlijiet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com