Ix-Xogħol Fuq Iċ-Ċentru Akkwatiku U Sportiv F’Għawdex Intensifika Matul Il-Pandemija
Fil-ġimgħat li ġejjin, ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat, Għawdex, se jidħlu f’fażi ġdida, hekk kif l-iskavar u x-xogħol relatat mal-istruttura eżistenti u l-ħitan ta’ barra jinsabu lesti.
Bħalissa jinsab għaddej il-waterproofing tal-ħitan, u dan mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq iċ-ċangatura tal-art fiż-żona tal-ġinnastika, taħt il-pixxina u l-kmamar mekkaniċi.
Barra minn hekk, se jibda x-xogħol fuq il-pedamenti li fadal isiru taħt is-sala l-qadima tal-isports, li jeħtieġu biss skavar u xogħol tal-konkrit, u wara jsir il-waterproofing u ċangatura tal-art fl-iktar livelli fondi tal-proġett.
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li matul il-pandemija, ix-xogħol intensifika sew fuq il-proġett ta’ €9 miljun.