Jgħaddu Ż-Żmien Bil-Poplu Malti U Li Ssemmew Fl-Aħbarijiet…
Grupp tal-Whatsapp li jintuża biex jorganizza ‘parties’ illegali, fosthom dak li sar fil-White Rocks, żvela kif dawn l-istess ‘parties’ qed ikunu organizzati minkejja l-pandemija tal-COVID-19.
Is-sit Lovin Malta ppublika numru ta’ ‘chats’ minn dan il-grupp, fejn wara li sar l-arrest, persuna qalet li l-organizzatur ingħata twissija u ġie lliberat, filwaqt li persuna oħra qalet li kien immultat €1,500.
Kelliem għall-pulizija qal lill-istess sit li l-organizzatur se jitressaq il-Qorti.
Persuna oħra fil-grupp injorat il-multa, u qalet li din saret sempliċiment biex il-poplu Malti jinżamm kuntent. Kumment li wassal biex numru ta’ nies fil-grupp jiddieħku b’Malta u bil-Maltin.
Kien hemm min qal li dan il-pajjiż huwa mimli ‘bull****’, filwaqt li ħaddieħor qal li Malta għadha wisq lura.
Is-sit Lovin Malta qal ukoll li skont iċ-‘chats’, jidher li dak ta’ Pembroke huwa t-tielet wieħed li sar mill-istess grupp dis-sena.