Konsultazzjoni Pubblika Dwar Il-‘Community Wellbeing Scheme’
L-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se tintroduċi l- ‘Community Wellbeing Scheme’, li tinvolvi obbligi ġodda għall-iżviluppaturi tas-siti tal-kostruzzjoni. Il-pubbliku huwa mistieden biex jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, l-Onor. Aaron Farrugia, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Onor. Chris Agius, ħabbru li emenda għar-Regolamenti ppubblikati L.N. 136 tal-2019 se tiġi ċċirkolata għall-konsultazzjoni pubblika.
L-iskop ta’ din l-emenda huwa li tagħmilha obbligatorja għall-iżviluppaturi li jħallsu l-miżati professjonali tal-Partijiet Terzi minħabba kontestazzjoni ta’ kwalunkwe method statement jew condition report sottomess lill-Awtorità Kompetenti.
L-Onor. Farrugia spjega wkoll li bir-regolamenti l-ġodda, l-iżviluppaturi se jkunu qed iħallsu għall-ispejjeż ta’ Partijiet Terzi, inkluż l-infieq fuq servizzi professjonali, sal-massimu ta’ ħames mitt Ewro (€ 500.00), li teskludi t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT).
L-iżviluppaturi se jkollhom jibdew iħallsu għall-analiżi tal-condition report u tal-method statement tal-ġirien fuq proġetti ta’ skavar u twaqqigħ. Dawn il-periti jintgħażlu mil-ġirien u jkollhom il-kompitu li jirrevedu x-xogħlijiet jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet involuti.
“Mhux qed infittxu li nagħtu x-xokkijiet lill-industrija, iżda rridu niżguraw li l-familji jħossuhom siguri fi djarhom filwaqt li s-settur jibqa’ b’saħħtu u sostenibbli, anke permezz tal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżuri possibbli biex jiżguraw li l-iżvilupp ma jaffettwax negattivament lill-komunità. Qegħdin naħdmu biex insibu bilanċ bejn il-bżonnijiet ta’ industrija li hija mportanti ħafna għall-ekonomija u l-benesseri tas-soċjetà”, qal il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Chris Agius, qal li “permezz ta’ din l-iskema qed inkomplu naħdmu biex niżguraw li f’din l-industrija daqshekk importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, iċ-ċittadini jibqgħu jgawdu serħan il-moħħ waqt li jkun għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni.” Huwa enfasizza l-importanza tal-involviment taċ-ċittadini fil-konsultazzjoni pubblika għal din l-iskema, u żied li dan huwa l-bidu ta’ riforma sħiħa li se tiġi implimentata f’din l-industrija.
Din l-iskema se tkun qed titressaq għal konsultazzjoni pubblika l-ġimgħa d-dieħla fuq https://environment.gov.mt/.
Ir-rappreżentazzjonijiet tal-pubbliku għandhom jintbagħatu permezz ta’ email fuq [email protected] sal-1 t’ April 2021. Għal aktar informazzjoni, żur www.bca.org.mt.