L-Aħħar Miżuri Mħabbra u l-Futbol Lokali.. Ir-Riperkussjonijiet.. Id-Diskussjoni Tibda Hawn !!!

 L-Aħħar Miżuri Mħabbra u l-Futbol Lokali.. Ir-Riperkussjonijiet.. Id-Diskussjoni Tibda Hawn !!!

L-aħħar avviż legali l-Erbgħa filgħaxija u t-tħabbir ta’ miżuri ġodda kontra l-Covid19 mill-Prim Ministru Robert Abela tista’ tgħid ħarbtu l-pjan metikoluż u ffukat li kellha l-Malta Football Association għal-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Pjan ċar li waqt li jħares il-kompetizzjonijiet u jara li jiġu fi tmiemhom bl-aħjar mod u dejjem bl-osservanza tal-protokolli meħtieġa kif dejjem ġara sa issa dan l-istaġun, kien għaddej ġmielhu x-xogħol b’serje ta’ laqgħat biex l-istrateġija varata ftit tal-ġimgħat ilu tibda tiġi mplimentata.

Iżda issa…

L-prioritajiet inbidlu, l-futbol f’Malta bħal kullimkien huwa aktar minn dixxiplina sportiva u l-prioritajiet jerġgħu jinbidlu biex jimmitigaw kemm jista jkun il-ħsara li dawn l-aħħar miżuri mħabbra l-Erbgħa mill-gvern jista jkollhom fuq il-logħba tal-ballun, il-logħba ta’ kulħadd u li tant hija popolari f’pajjiżna.

Mill-Ħamis nifhmu li se jibdew serje ta’ laqgħat mal-istakeholders kollha biex wieħed jara x’għandha tkun it-triq il-quddiem fit-tkomplija tal-Kampjonat u anke l-impatt li dawn il-miżuri se jħallu fuq il-logħbiet mistennija li kienu ġejjin ftit jiem oħra għat-Tim Nazzjonali Malti.

Qabel xejn, l-Avviż Legali tal-Erbgħa 10 ta’ Marzu, 2021, fejn jidħol futbol jgħid, li kull attivita sportiva organizzata għandha tiġi sospiża b’mod immmedjat u sal-11 t’April illi ġej.

It-Tnejn li għadda dan is-sit kien antiċipa dan kollu meta fetaħ diskussjoni b’artiklu dwar x’jiġri kieku kellu jieqaf il-Kampjonat, forsi għal rixa ma konniex mija fil-mija korretti meta għidna li jridu jintlgħabu 75% tal-partiti biex il-verdetti jingħataw.

Fil-verita r-regolament ġdid stabbiit wara l-konfużjoni tas-sena li għaddiet u f’ċirkostanzi ta’ ‘force majeure’ jgħid li kull tim irid jilgħab 75% tal-logħbiet jew aktar biex il-kompetizzjoni ma’ tiġix nulla, kien jonqos partita waħda li issa ntlgħabet l-Erbgħa bejn Żejtun Corinthians u Balzan, biex issa kull tim tal-Premier, is-sittax li huma lagħbu ‘l fuq minn 75% u għalhekk il-verdetti jistgħu jingħataw f’każ li l-Kampjonat ma’ jkomplix kif ġara s-sena li għaddiet.

Li hu żgur li bl-artiklu tat-Tnejn filgħodu kellna ‘foresight’, kellna ukoll ħjiel ‘tip’ ta’ dak li kien se jitħabbar jumejn wara u dan waqt li dawk li kkummentaw jew pruvaw jirredikolaw l-artiklu minħabba li ħallejna barra dettal żgħir ħafna, jew inkella tant kienu ċerti li l-Kampjonat kien se jkompli li ftit taw widen għal dak miktub.

Il-fatti kif inhuma issa jekk il-Kampjonat BOV Premier jieqaf għal kollox.

Ħafna qed joħduha ċerta li kif jgħid l-Avviż Legali tal-gvern, jgħaddi dan ix-xahar u l-Kampjonat ikompli qisu qatt ma’ kien xejn u “business as usual” minn wara l-11 t’April.

  1. Iżda l-klabbs f’sitwazzjoni finanzjarja diġa ħażina u li għadhom qed jirkupraw mis-sospensjoni tal-Kampjonat is-sena li għaddiet, jifilħu jestendu l-kuntratti tal-players tagħhom b’xahrejn, dan ikollok ħafna kuntratti jagħlqu fl-aħħar t’April meta kien skedat li jintemm il-BOV Premier li issa żgur u jekk ikompli jidħol fix-xahar ta’ Ġunju.
  2. Il-vjaġġi diġa skedati, bbukjati u mħallsa tal-barranin f’diversi klabbs għall-ewwel jiem ta’ Mejju biex fi tmiem l-istaġun imorru lura f’pajjiżhom għand il-familji tagħhom, x’se jiġri minnhom?!
  3. It-taħriġ tat-timijiet, fil-11 t’April jiġi fi tmiemhu l-Avviż Legali ma’ jfissirx li l-Kampjonat jibda mill-ewwel u l-kundizzjoni fiżika tal-players, dawn ma’ jridux ġimgħa, għaxar t’ijiem taħriġ fuq il-pitch biex jiksbu lura l-fiżika tagħhom wara xahar weqfin. (Ħafna klabbs diġa organizzaw taħriġ lill-players tagħhom mid-dar).
  4. U jekk il-Kampjonat jitwaqqaf, Ħamrun Spartans Champions u bla paroli bir-regolament tal-Force Majeure, imma n-naħa t’isfel kif se jiġu relegati erba’ timijiet, meta t-threshold ta’ 75% tal-logħbiet minn kull klabb għadha ma’ ntlaħqitx fil-BOV Challenge League li allura jiġi null u qisu qatt ma’ beda…. jekk dejjem ma’ jitkomplix.

Huma ħafna l-mistoqsijiet.

Kif għidna bir-regolament tal-Force Majeure u jekk il-Kampjonat ma’ jkomplix, Ħamrun Spartans Champions tal-Futbol Malti għall-ewwel darba wara 30 sena, jirbħu t-Tmien Kampjonat fl-istorja, relegati Senglea Athletic, Lija Athletic, Tarxien Rainbows u Żejtun Corinthians, fiż-żona Play Off għandek tliet timijiet kollha b’27 punt, Floriana u Gudja United salvi, Balzan jisfurzaw PlayOff.

Fil-konfronti diretti bejn dawn it-tlieta, Floriana qatt ma’ tilfu, kisbu d-‘double’ fuq Gudja u żewġ draws ta’ 0-0 kontra Balzan li f’logħba minn tnejn tilfu 3-2 kontra Gudja, bil-logħba l-oħra bejn dawn iż-żewġ naħat kienet ġejja fil-bidu t’April wara l-international break, parti minn MD25.

UEFA Europa League u dejjem jekk anke l-FA Trophy ma’ titkomplix – jidħlu Hibernians, Gżira United u Birkirkara, minn jaf kieku ma’ jitkomplix il-Kampjonat, Sliema Wanderers fil-ħames post u li għadhom fl-isfida għall-Ewropa jsabbtux saqajhom kif għamlu s-season l-ieħor Valletta, Gżira United u Birkirkara. M’għandhomx għalfejn din id-darba r-regolament huwa ċar kristall !!!

Kważi aktar importanti mill-Premier, li jkompli l-BOV Challenge League bit-treshold ta’ 75% tal-logħbiet li għadha ma’ ntlaħqitx u għalhekk jiġi null qisu qatt ma’ ntlgħab u għidli jekk ma’ jkomplix dan il-Kampjonat tat-Tieni Kategorija kif se ssabbar lil Marsa u Pembroke li kienu kważi lesti promossi.

Hawnhekk kull tim irid jilgħab total ta’ 28 partita, t-threshold bir-regolamemt jintlaħaq meta kull tim ikun lagħab 21 partita jew aktar, St. Georges lagħbu 20, Marsaxlokk saħansitra 19, it-tlettax l-oħra skorrew it-threshold, iżda ma’ jfisser xejn, jekk ma’ jkomplix, Kampjonat null qisu qatt ma’ beda, sitwazzjoni li probabbilment twassal li jekk ma’ jkomplix, il-komposizzjoni tal-ewwel żewġ kategoriji tal-Futbol Malti tibqa kif inhi anke fl-istaġun li ġej.

U bħal Tarxien Rainbows l-istaġun li għadda, Senglea Athletic jorku jdejhom diġa relegati u jibqgħu Premier, dejjem jekk il-Kampjonat jiġi sospiż b’mod permanenti, dawn huma kollha possibiltajiet.

U xi ngħidu dwar it-timijiet li għadhom kemm ġew promossi mill-BOV Amateur League, Luqa SA (Champions), Mġarr United, Melita u Rabat Ajax, sitwazzjoni li tolqothom ukoll, għax dejjem jekk il-Futbol ma’ jkomplix, il-promozzjoni tagħhom tiġi nulla riżultat u kawża tat-threshold mhux milħuq fil-BOV Challenge League, meta daħal fis-seħħ l-Avviż Legali, l-Ħamis 11 ta’ Marzu.

Semmejna l-Amateur Teams, nhar is-Sibt li ġej kellha tintlgħab il-finali tan-National Amateur Cup, l-ewwel edizzjoni bejn Żurrieq u Msida SJ, issa din x’se jiġri??? se tħalli żewġ timijiet ‘amateurs’ jistennew sa nofs April biex jilgħabu din il-finali u wara xi ħames, sitt ġimgħat għall-players tagħhom weqfin ?!

Tim Nazzjonali 

Il-miżuri parti mill-Avviż Legali tal-Erbgħa kienu daqqa kbira ukoll fil-pjanijiet tat-Tim Nazzjonali Malti hekk kif kollox kien lest biex mill-ġimgħa d-dieħla l-players jinġabru għat-taħriġ u jibdew bil-preparazzjoni tagħhom għal sfida tripla, l-ewwel logħbiet mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

Waqt li mhux suppost ikun hemm problemi għaż-żewġ logħbiet ‘away’ kontra l-Kroazja u s-Slovakkja, il-logħba inawgurali għal Malta fl-Istadium Nazzjonali kontra r-Russja nhar l-Erbgħa 24 ta’ Marzu li ġej issa ma’ tistax tintlgħab u allura l-MFA mistennija tiskatta ukoll b’diskussjonijiet urġenti mal-UEFA biex tinstab soluzzjoni dwar din il-partita li trid bilfors tintlgħab lil hinn minn xtutna.

Sitwazzjoni li twassal għal spejjeż akbar għall-Assoċjazzjoni fejn tidħol loġistika bil-possibilta ta’ ‘training camp’ barra l-pajjiż (l-Avviż Legali jipprojbixxi ukoll taħriġ fi gruppi sal-11 t’April), bil-players Nazzjonali issa ilhom il-fuq minn erba’ xhur ma’ jitħarrġu flimkien u jridu jkunu preparati bl-aħjar mod għal dan l-impenn triplu ferm u ferm diffiċli, allokazzjoni u venue fejn tintlgħab il-partita suppost f’darna kontra l-qawwa Russa u ċaqliq fit-titjiriet li ilhom diversi ġimgħat lesti u skedati għat-Tim Nazzjonali u dawn l-impenji nternazzjonali mill-Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, Qatar 2022, li issa jinsabu ftit jiem il-bogħod.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com