‘Lockdowns’ Parzjali Fi Franza U Fil-Polonja
Franza u l-Polonja reġgħu daħlu fis-seħħ ‘lockdowns’ parzjali hekk kif iż-żewġ pajjiżi raw żieda konsiderevoli fl-infezzjonijiet tal-Covid fl-aħħar ġimgħat.
Mal-21 miljun persuna f’16-il żona ta’ Franza, fosthom il-kapitali Pariġi, huma affettwati.
Il-‘lockdown’ parzjali daħal fis-seħħ il-Ġimgħa f’nofsillejl. Il-miżuri ma kienux stretti daqs ta’ qabel, bin-nies jitħallew jagħmlu eżerċizzju fuq barra. Ħwienet mhux essenzjali ingħalqu, iżda l-iskejjel tħallew miftuħa, flimkien mal-‘hairdressers’ jekk jimxu ma’ protokoll sanitarju partikolari.
Fil-Polonja, ħwienet mhux essenzjali, lukandi, faċilitajiet kulturali u sportivi ingħalqu għal tliet ġimgħat.
Il-pajjiż ilu jkollu l-ogħla rati ta’ każijiet kuljum min-Novembru.
Il-‘lockdown’ beda s-Sibt, b’uffiċjali tas-saħħa jgħidu li r-restrizzjonijiet kienu meħtieġa minħabba żieda kbira tal-varjant Ingliż tal-COVID-19. Fil-fatt, 60% tal-infezzjonijiet għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-varjant.
Il-każijiet tal-Coronavirus qed jiżdiedu sew fil-Ġermanja wkoll, bil-Kanċillier Angela Merkel twissi li hemm il-probabiltà li l-pajjiż se jkollu jerġa jimponi miżuri ta’ ‘lockdown’. Dan filwaqt li fil-jum tal-Ġimgħa tħabbar li l-pajjiż qed jikkunsidra lill-Polonja bħala riskju għoli, u mill-Ħadd, dawk kollha li jaqsmu l-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi iridu jippreżentaw test negattiv tal-Coronavirus.
Ritratt: Associated Press