“Memorji Sbieħ Imma Kulma Nara Huwa Wiċċ Ta’ Pedoflu”
L-esperjenza ta’ abbuż sesswali mhix waħda li faċilment titkellem dwarha, u jaf ikun hemm bżonn ta’ ħafna snin sakemm tħossha lesta u titkellem dwar l-esperjenza kerha li għaddiet minnha.
Riċentament, Malcolm Buttigieg wasal biex jagħmel dal-pass, wara li ħabib tiegħu qasam xi ritratti ta’ meta kienu abbatini.
Malcolm ikkumenta li filwaqt li kellhom memorji sbieħ, fir-ritratti jara biss lil dik il-persuna li abbużatu sesswalment.
Minkejja li r-ritratti tneħħew, huwa qasam ħsibijietu fuq il-profil tiegħu, filwaqt li rreplika email li baghat lil Andrew Azzopardi, il-Kap tas-Safeguarding Commission fi ħdan il-Kurja.
Malcolm spjega kif id-Direttur tal-Ghaqda Abbatini Siġġiewi kien abbuża minn uħud mill-istess abbatini, u wara li dil-persuna ġiet irrappurtata, l-Arċipriet naqas milli jmur għand il-Pulizija bil-każ u sempliċiment neħħa lill-istess persuna mill-irwol li kellha.
Huwa saħansitra qal b’liema skuża kien joħroġ biha l-eks Direttur tal-istess Għaqda sabiex ikunu huma t-tnejn biss, filwaqt li kien anke jorbtu bil-‘cable ties’.
Malcolm saħaq li mhix xi ħaġa faċli li titkellem dwarha, irrispettivament jekk intix persuna fuq tiegħek jew le. Hawnhekk innota li wara li ħalla l-kumment fuq il-‘post’ li tella sieħbu, din tneħħiet.
Appella sabiex jinħoloq spazju fejn tfal u adulti jkunu jistgħu jitkellmu u ma jkunux beżgħana li se jixxokkjaw lil dawk li m’ għaddewx minn esperjenza simili.