Waqt Il-Pandemija N-Nies Baqgħu Jagħmlu Użu Mid-Droga Fi Djarhom.

 Waqt Il-Pandemija N-Nies Baqgħu Jagħmlu Użu Mid-Droga Fi Djarhom.

Ġie ppubblikat ir-Rapport Nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta, dan wara xogħol li sar mill-Punt Fokali Nazzjonali tad-Droga. Ir-rapport jagħti stampa ċara tal-użu tad-droga fl-2018 u l-2019, kif ukoll jistudja l-effetti li ħalliet il-pandemija matul l-2020 f’dan ir-rigward.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ngħata rendikont tas-sitwazzjoni tad-droga f’Malta. Ir-rapport jindika li l-użu mid-droga kokaina baqa’ stabbli, li kien hemm żieda żgħira fejn jidħol użu mill-kannabis, filwaqt li n-numru ta’ persuni li jieħdu l-methadone naqas b’200. Ir-rapport jispjega li dan in-numru jaf huwa riżultat ta’ persuni li mhux jirrikorru għall-methadone.

Żdiedu l-qabdiet tad-droga qabel ma tispiċċa fit-triq, fejn fl-2019 ġiet maqbdua 700kg, għal 190 kilo fl-2018.

Dejjem ukoll qed tiżdied l-għajnuna mid-diversi residenzi li jilqgħu persuni bil-vizzju tal-kokaina. Għalkemm fil-pandemija naqsu l-attivitajiet tal-massa, in-nies irriżulta li baqgħu jagħmlu użu mid-droga fi djarhom.

Il-kannabis kompliet tkun l-iktar droga użata, warajha l-kokaina u l-eroina.  Ir-rapport jispjega ukoll li l-emerġenzi marbuta mad-droga fl-isptarijiet fosthom Monte Karmeli naqsu.

Osservazzjoni pożittiva hija l-miżura innovattiva tat-Take Home Methadone, fejn numru ta’ klijenti ġew fdati sabiex jieħdu l-mediċina fi djarhom. B’hekk ma jkunx hemm iffullar fid-Detox, anke biex jiġu osservati l-miżuri biex tiġi miġġielda l-COVID-19.

Intqal ukoll li 25% ta’ dawk li fittxew l-għajnuna kienu żgħażagħ, u dan juri li qed jirrealizzaw li jinsabu fi problema minn età żgħira. Fl-aħħar snin ukoll żdied sew l-użu tal-crack cocaine u l-kannabis sintetika.

Dejjem infakkru li d-droga tfisser aktar problemi, aktar dejn, aktar instabbilità f’ħajtek, telf tal-identità, telf ta’ ħin, perikli, dannu għas-saħħa u anke riskji li tispiċċa f’entitajiet bħal; ħabs, sptarijiet tal-psikjatrija jew mewt. L-għażla f’idejk!

Ritratt: WOSU Radio – WOSU Public Media

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com