Ammetta Li Uża Apparat Biex Jiffroda Lin-Nies

Bulgaru ta’ 55 sena instab ħati li fl-2018 uża apparat biex jiffroda nies li kienu qed jagħmlu użu minn ATM f’Paceville.
Il-Qorti kkundannat lil Yulee Chekalarov sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, u mmultatu €15,000 li jridu jitħallsu fi tliet snin.
Il-Bulgaru kien akkużat bil-pussess u l-użu mhux awtorizzat t’ apparat sabiex jaċċessa u jikkopja data u software, immodifika mingħajr awtorizzazzjoni apparat tal-kompjuter u pprova jagħmel gwadann frodulenti għad-dannu ta’ terza persuni.
Il-Maġistrat Nadine Lia qalet li għalkemm l-akkużat m’ ammettix mill-ewwel, l-ammissjoni tiegħu saret fi stadju bikri tal-proċeduri kontrih u għaldaqstant din kellha tintuża favurih.