Beppe Fenech Adami Jgħid Li “Robert Abela Ma Jistax Jibqa’ Sieket”
Stqarrija maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’isem il-Partit Nazzjonalista tgħid li rapporti mxandra mill-gazzetta Malta Today żvelaw kif Cheng Chen, sid il-kumpanija Macbridge, kien ħaġa waħda ma’ Konrad Mizzi u Joseph Muscat ukoll, meta ġie biex jiġi varat il-programm ta’ skema tal-Visa u Residenza (MRVP) għall-pajjiż.
Fenech Adami qal li, “Illum jirriżulta li barra li Cheng Chen kien involut fil-bejgħ ta’ terz tal-Enemalta, barra li kien involut fl-iskandlu tal-wind farms fil-Montenegro, issa sar magħruf ukoll illi kien mgħarraf minn qabel bil-pjan ta’ Konrad Mizzi u Joseph Muscat biex jiġi varat program ta’ visa u residenza u agħar minn hekk kumpanija ta’ Cheng Chen ingħatat esklussivita’ bħala konċessjonarju ta’ din l-iskema fiċ-Ċina, Hong Kong u l-Macao. Il-kobba ta’ korruzzjoni fil-Partit Laburista m’għandhiex limiti, hija bir ta’ korruzzjoni bla qiegħ”.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista esprimiet li quddiem dan kollu, l-Pulizija għandhom iserrħu moħħ in-nies li dawn l-istejjer ġodda ta’ korruzzjoni qegħdin jiġu investigati serjament u kull min hemm warajhom se jaffaċċja l-ġustizzja.
“Robert Abela ma jistax jibqa’ sieket quddiem dawn l-istejjer skandalużi. Barra li jitlob apoloġija għal mod kif ġie tradut il-poplu, Robert Abela għandu fuqu r-responsabbilta’ li jesponi u jkeċċi minn ħdan il-partit tiegħu l-korrotti, issa magħrufa, li barra li serqu l-miljuni kissru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Ghalhekk Robert Abela għandu jaghmel dan sabiex jassigura li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ma tibqax tiġi pperikolata iktar. Jekk ma jagħmilx hekk, Robert Abela jkun qed jikkonferma li huwa sempliċement il-kontinwazzjoni tal-ħażin kollu li seħħ. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar. Għalhekk jixraqlu paġna ġdida. Paġna ġdida li jista’ jibdilha biss il-Partit Nazzjonalista”, saħaq Beppe Fenech Adami, li huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza.