Bil-Filmat: L-Imħabba Bejn Missier U Bintu Trasmessa F’Kanzunetta
Il-kanzunetta Binti hija dwar l-imħabba unika bejn il-missier u bintu.
B’mod partikolari tesprimi s-sentimenti taż-żewġ persuni dakinhar li l-bint tiżżewweġ u tkun se tibda ħajja ġdida mal-maħbub tagħha.
Binti teħdona fuq vjaġġ ta’ emozzjonijiet min-naħa tat-tnejn li jirriflettu r-rabta speċjali ta’ bejniethom.
Minkejja l-kapitlu ġdid li se jibda ma’ dan il-pass tant importanti, l-imħabba li nżergħet matul is-snin wasslet għal dak li l-ħajja qed tippreżenta llum u għaż-żmien li ġej. Imħabba ta’ missier u bint, li jiġri x’jiġri, tibqa’ għal dejjem.
Il-lirika tirrifletti r-relazzjoni bejn il-kantanti JAnvil u bintu Jade, iżda minkejja dan, hija kanzunetta li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, anki f’irwoli differenti, u li titrasmetti emozzjoni lil kull min jismagħha.
Il-vidjow mużikali, maħdum minn Victor Abela, idur partikolarment madwar l-emozzjonijiet u l-perspettiva tal-missier li qed jara lil bintu li minn tifla ċkejkna li tant kien jipproteġi, inbidlet f’mara li waslet biex taqbad triqitha mal-maħbub tagħha permezz taż-żwieġ.
Iwassal ukoll l-element tant sentimentali taż-żifna sinifikanti bejn il-missier u bintu waqt il-ġurnata tant speċjali.
Il-kanzunetta Binti għandha l-kitba ta’ Roberta Magri u kompożizzjoni u produzzjoni ta’ Richard Micallef.