“Dan Il-Proġett Se Jseħħ.. Għadu Ħadd Ma’ Fehem Xejn.. Mingħajru Jfallu Ħafna Klabbs” – Perez Ta’ Real Madrid

 “Dan Il-Proġett Se Jseħħ.. Għadu Ħadd Ma’ Fehem Xejn.. Mingħajru Jfallu Ħafna Klabbs” – Perez Ta’ Real Madrid
Il-President ta’ Real Madrid Florentino Perez li issa nħatar ukoll Chairman tal-proġett il-ġdid tal-European Super League konvint li dan il-proġett huwa bżonnjuż biex numru ta’ klabbs fl-Ewropa u lil hinn mit-tnax li sa issa kkommettew ruħhom, jevitaw falliment u jagħlqu l-bibien tagħhom.
Jgħid li dan il-proġett se jseħħ lil hinn mill-fatt jew x’tista tkun id-deċiżjoni aħħarija ta’ superpotenzi oħrajn li għalissa qagħdu f’ġenb bħal Paris Saint-Germain u Bayern Munich.
 
Florentino Perez fl-irwol fdat lilu bħala Chairman tal-European Super League tkellem għall-ewwel darba minn meta faqqgħet il-bomba dwar dan il-proġett ambizzjuż.
 
Tenna li l-European Super League huwa kruċjali biex il-logħba tal-ballun tibqa sostenibbli u tevita kollass totali.
 
Perez ta’ 74 sena irrijaferma li l-COVID19 kienet u għadha katastrofi għall-futbol madwar id-dinja.
Klabbs kbar u mhux biss għamlu u qed jagħmlu telf kbir mindu faqqgħet il-pandemija ħmistax-il xahar ilu u l-futbol ikun mejjet u xi ħaġa tal-passat fi żmien tliet snin jekk ma’ jkunx hemm strutturar tal-kompetizzjonijiet u ċaqlieq fil-business model li bih jitmexxa l-operat tal-klabbs.
“Dan is-Super League għandu jieħu post iċ-Champions League jekk il-klabbs iridu jerġgħu iqumu fuq saqajhom finanzjarjament u tiġi evitata l-possibilta li ħafna minnhom ikollhom jagħlqu l-bibien tagħhom”, għalaq jgħid iċ-Chairman tal-European Super League Florentino Perez, fl-ewwel intervista tiegħu mindu l-Ħadd sparat l-idea għal dan il-proġett.
F’rapporti separati t-Tnejn filgħaxija ntqal li dokument li għadu sigriet jindika li anke l-klabbs iż-żgħar fl-Ewropa b’dawk Maltin ukoll jaqgħu f’dik il-kategorija, ukoll se jibbenefikaw bi triplu u aktar fl-introjtu li għandhom bħalissa minn dawk imsejħa ‘solidarity payments’ li preżentament tqassam il-UEFA.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com