€17.2 Miljun F’Fondi Ewropej Investiti F’Toroq Rurali
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li dan il-finanzjament sar permezz tal-Miżura 4.3, intiża għal aktar investiment relatat mal-iżvilupp tas-settur agrikolu mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan huwa l-mod kif inħarsu lejn l-infrastruttura ta’ pajjiżna, f’dan il-każ il-ħidma favur toroq rurali aħjar. Bħala Ministru responsabbli nħares dejjem li jkollna xogħol ikkordinat bejn Infrastructure Malta, li minn hawn nixtieq nirringrazzja tal-ħidma kontinwa tagħhom, kif ukoll ma’ entitajiet oħra u kunsilli lokali sabiex ir-riżultat finali jkun wieħed kif mixtieq. Aħna ninsabu kommessi li nibqgħu nwasslu proġetti bħal dawn it-toroq rurali li jaraw titjib u kwalità mhux biss fuq il-wiċċ tat-toroq imma wkoll fuq servizzi essenzjali u dawk anċillari. B’hekk, kull proġett jitwassal għan-nies b’titjib ħolistiku.”
Il-Ministru Ian Borg żied jgħid li x-xogħol fuq it-toroq rurali huwa investiment essenzjali għall-bdiewa Maltin, għar-residenti li jużawhom bħala rotot sekondarji, għaċ-ċiklisti, kif ukoll għal kull min jimxi u jagħmel l-eżerċizzju f’dawn it-toroq sbieħ.
“Ix-xogħol fuq l-infrastruttura għaddej b’pass tajjeb ħafna, għadna kif ħabbarna li aktar minn 500 triq huma lesti u dan il-pjan mhu xejn inqas fir-rigward tat-toroq rurali. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma għaqlija sabiex ngħollu l-livell tal-infrastruttura tat-toroq kollha tagħna b’mod li jixraq liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” qal il-Ministru Ian Borg.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li x-xogħol li sar qed iħalli riżultati konkreti fil-Qrendi, b’finanzjament ta’ aktar minn €600,000 b’total ta’ kważi żewġ kilometri f’toroq rurali.
Hu spjega kif, permezz ta’ din il-miżura, qed inkomplu nsaħħu l-aċċessibilità tat-toroq rurali madwar Malta u Għawdex, filwaqt li nipprovdu għodda aħjar għall-bdiewa biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom u jidħlu fl-irziezet u l-għelieqi tagħhom aktar faċilment. Huwa saħaq li dawn ix-xogħlijiet li saru f’dawn it-toroq mhux biss se jkunu ta’ benefiċċju għall-bdiewa, iżda wkoll għan-nies li jgħaddu minn dawn it-toroq rurali.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal “Kif, permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej, qed inkomplu ninvestu u konsegwentament insaħħu l-qasam agrikolu Malti.”
Is-Sindku tal-Qrendi David Schembri spjega kif ix-xogħol li sar f’dawn iż-żewġ kilometri ta’ toroq rurali gawdew minnu diversi bdiewa li għal żmien twil kienu jaħdmu l-għelieqi tal-madwar. Huwa kompla jgħid li ħafna Maltin u barranin li jżuru l-Qrendi jagħmlu użu minn dawn it-toroq biex jagħmlu l-eżerċizzju tagħhom, filwaqt li jużawhom ukoll diversi ċiklisti. Finalment, huwa kkonkluda billi qal li dawn it-toroq rurali jgħaqdu varji siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO f’ Ħaġar Qim, Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq, flimkien mas-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u anke r-Rabat biex iqassru l-ħin tal-ivjaġġar, mingħajr traffiku u aktar aċċessibbli għal kulħadd.