“Fil-Kampanji Elettorali Kull Partit Jgħid Li Se Jeqred Il-Korruzzjoni” – Evarist Bartolo Jisħaq Fuq Il-Fatti
“Fil-kampanji elettorali kull partit jgħid li se jeqred il-korruzzjoni. Mhux il-kliem sabiħ jgħodd imma l-fatti.” Hekk tenna l-Ministru Evarist Bartolo li ilu snin twal fil-politika u li serva f’karigi differenti; l-aktar tnejn marbuta miegħu jkunu l-Ministeru tal-Edukazzjoni u attwalment, fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bħala l-Ministru responsabbli.
Fi status ftit twil, kif iħobb jikteb Bartolo bi spjegazzjonijiet dettaljati, Bartolo llum staqsa għaliex qed jittiħedu passi kontra l-kriminalità organizzata issa u mhux qabel, fejn saħaq li hemm każi li ġraw qabel u wara l-2013.
Kompla jgħid li dawn il-passi setgħu jkunu possibbli għax bdew jinbidlu kif isiru l-ħatriet fil-ġudikatura, fil-pulizija u fir-regulaturi fost oħrajn “… biex dawk li jinħatru ma jkunux pupi fuq spaga.”
Enfasizza wkoll li dawk il-politiċi li jridu jikkontrollaw ħatriet bħal dawn, jagħmlu hekk a skapitu personali tagħhom.
Fisser kif il-kriminalità u l-korruzzjoni huma tentazzjoni kontinwa u hawn ixebaħħhom mat-tilqima tal-vaċċin, fejn jgħid li l-ebda vaċċin mirakoluż ma jeżisti, ħlief l-istituzzjonijiet u l-forzi tal-ordni li jagħmlu d-dmir tagħhom bla biża’ jew favur.