Fondi Ewropej għal Promozzjoni tal-Wirt Kulturali Malti – Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Wirt Kulturali Malti huwa wieħed għani li jinkorpora fih diversi setturi, li flimkien jgħinuna nifhmu u nħarsu lura lejn kif kienu jgħixu missirijietna. Kien bis-saħħa ta’ investimenti ta’ miljuni ta’ Ewro ta’ Fondi Ewropej li flimkien ma’ fondi nazzjonali stajna nkabbru l-isforzi tagħna biex il-wirt li ħallewlna missierijietna, nippriżervawh, nirrestawrawh u nagħtuh lura lill-poplu Malti u Għawdxi biex igawdih.
B’fondi Ewropej ġew iffinanzjati diversi proġetti ta’ restawr ta’ Torrijiet li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri, bħat-Torri l-Aħmar li tlesta ftit tax-xhur ilu u t-Torri tax-Xlendi li għaddej ix-xogħol fuqu. Ma’ dawn kien hemm ukoll proġetti ta’ binjiet magħrufa, bħat-Torri tal-Arloġġ fl-Imtarfa li nbena fiż-żmien l-Ingliżi.
Ma’ dawn hemm ukoll proġetti li qed jippromwovu l-wirt kulturali kontemporanju. Riċentement fil-Belt Valletta, kont preżenti mal-Prim Ministru Robert Abela għall-inawgurazzjoni tal-Valletta Design Cluster b’investiment ta’ €4.3 miljun. Minn post mitluq li fl-imgħoddi kien biċċerija, inbidel f’binja li qed tipprovdi spazju uniku bħala ċentru għall-kultura u l-kreattivita. It-trasformazzjoni ta’ din il-binja hija part żgħira biss minn proġetti kbar li wettaqna fil-pjan tagħna għar-riġenerazzjoni tan-naħa t’Isfel tal-Belt Valletta fejn fost xogħlijiet importanti oħra sar ir-restawr tal-Berġa tal-Baviera u r-restawr ta’ binjiet mitluqa li nbidlu f’residenzi għall-Beltin.
Il-fondi Ewropej qed jiġu investiti wkoll fil-wirt kulturali tal-lokalitajiet tagħna fejn il-Kunsilli u Għaqdiet ingħataw il-finanzi li kellhom bżonn biex wettqu proġetti ta’ restawr jew riġenerazzjoni f’diversi binjiet, każini u ġonna li għandhom valur storiku u kulturali importanti u li n-nies jistgħu igawdu direttament minnhom.
Mingħajr l-iċken dubju, il-Knisja f’Malta bil-preżenza qawwija tagħha f’kull rokna tal-pajjiż għandha miġbur fil-binjiet kollha tagħhha patrimonju kulturali li jistħoqqlu l-akbar kura u ħarsien ħalli jkompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Fondazzjoni tal-Arċidjoċesi Maltija għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali applikat u rnexxielha tikseb aktar minn €4 miljuni ta’ Fondi Ewropej biex twettaq diversi proġetti ta’ restawr u konservazzjoni f’diversi knejjes u kappelli u anke għal restawr ta’ xogħlijiet tal-arti. Fost proġetti li tħabbru fl-aħħar xhur hemm dawk ta’ xogħlijiet li se jsiru fuq faċċati jew koppli tal-Knejjes ta’ Bormla, iż-Żurrieq, il-Qrendi, u Ħal-Kirkop u anke restawr fuq pittura fil-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt.
Barra minn hekk ma nistax ma nsemmix ukoll il-proġett importanti iffinanzjat minn Fondi Ewropej li qed isir mill-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fejn qed isir xogħol estensiv ta’ restawr fil-kripta u l-Mużew tal-Kattidral. Proġett ieħor importanti kien l-esperjenza virtwali u r-restawr tal-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt u x-xogħol kbir ta’ restawr li għaddej fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.
Dawn il-fondi qed jgħinu mhux biss biex nippreservaw dan il-wirt kulturali li ħallewlna missirijietna, iżda wkoll ħalli nsaħħu l-prodott turistiku Malti u Malta tkompli tkun minn ta’ quddiem f’dan is-settur u tattira turisti ta’ kwalità.