Fondi Mill-MCST Jgħinu Biex Jinħolqu ‘GRP Poles’ – Prodott Li Sal-Lum Ma Jeżisti Mkien
B’ għajnuna minn fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), kumpanija Maltija setgħet tiżviluppa makkinarju li jimmanifattura “Glass Reinforced Polymer Composite Poles” magħrufa fl-industrija bħala ‘GRP poles’, li huma itwal minn 16-il metru u li hu prodott li sal-lum għadu ma jeżistix.
Dan grazzi wkoll għall-ħidma konġunta li qed issir bejn il-Fakultà tal-Inġinerija fi ħdan l-Università ta’ Malta, din is-socjeta’ u l-fondi mill-MCST.
Fi żjara fl-uffiċini tal-kumpanija Maltija Silvercraft Products Ltd, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-ko-ordinazzjoni tal-istrategija għall-wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici sostna li din il-kumpanija hija kburija li ħolqot proto-tip tal-prodott mixtieq u li kien anke ppruvat.
“Issa jmiss li joptimizzaw il-manifattura tal-arblu biex jilħaq saħħa ulterjuri u finalment, ikun ikkumerċjalizzat fl-isfera internazzjonali.”
Dawn it-tip ta’ arbli jkunu jistgħu jifilħu ħafna tagħbija fuqhom.
Dr Bonnici qal li huwa pass tassew għaqli meta kumpanija Maltija bħal Silvercraft Products Ltd. kontinwament temenda l-ħsieb u l-approċċ tagħha biex tkabbar il-kummerċ tagħha nnifisha u tkompli tpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali f’dik li hija innovazzjoni u riċerka.
Min-naħa tiegħu, Etienne Scerri, rappreżentant ta’ Silvercraft Products Ltd spjega li l-kumpanija bdiet bħala waħda li tibni d-dgħajjes u llum hija waħda mill-kumpaniji ta’ manifattura fil-fibreglass ewlenin li taqdi l-industriji diversi, fosthom dik tal-kostruzzjoni.
Il-Professur Duncan Camilleri minn ħdan l-Università ta’ Malta (Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika) faħħar il-kollaborazzjoni u l-għajnuna li ngħataw minn fondi tal-MCST fejn stqarr, li dan il-proġett seta’ jitwettaq permezz ta’ din l-għajnuna.
Uħud mill-prodotti tal-kumpanija jvarjaw kemm minn dawk li jolqtu l-għajnejn bħal ‘planters’, ‘custom desined shuttering’ panelli tal-faċċati, swimming pools u anke reception desks u prodotti oħra u anke dawk li forsi viżibilment ma ninnutawx, bħal reservoirs, ‘lift pit water proofing’, sistemi tat-trattament tal-ilma u anke separaturi idro-dinamiċi.
Dan ifisser li l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp huma parti integrali minn dan il-kummerċ maħluq tal-kumpanija msemmija.