Ftehim Għal Sussidji Lil Persuni B’Diżabbilità Li Jżuru Ċ-Ċentru Esplora

 Ftehim Għal Sussidji Lil Persuni B’Diżabbilità Li Jżuru Ċ-Ċentru Esplora

Ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jkun strumentali biex persuni b’diżabbiltà jibbenefikaw minn esperjenzi varji ta’ tagħlim u divertiment li joffri ċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara. Minn dan il-ftehim se jkunu jistgħu jibbenefikaw ftit inqas minn 21,000 persuna li għandhom l-EU Disability Card.

Fost l-inċentivi; l-organizazzjoni ta’ żjarat f’Esplora minn gruppi ta’ persuni b’diżabbiltà li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum jew jgħixu f’Residenzi ta’ Persuni b’Diżabbiltà tal-Aġenzija Sapport, kif ukoll persuni oħrajn li jkollhom xi diżabbiltà kif ukoll anke l-persuni li jkunu qed jakkumpanjaw lill-persuni b’diżabbiltà. Benefiċjarji oħrajn huma Għaqdiet Non-Governattivi bħal Autism Parents Associaton, Deaf Club Malta, ADHD Malta u organizzazzjonijiet taħt l-awspiċi ta’ Kunsilli Lokali jew Parroċċi.  Permezz ta’ dan il-ftehim se jkun sussidjat il-ħlas tal-entratura kif ukoll il-ħlas għas-servizzi offruti mill-istess Ċentru.

L-iffirmar tal-ftehim sar miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella.

F’diskors qasir qabel l-iffirmar tal-ftehim Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-iStrateġija wara COVID-19 Dr. Owen Bonnici sostna li l-qasam tax-xjenzi huwa importanti ghall-avvanz ta’ pajjizna u huwa krucjali li l-bibien tad-dinja tax-xjenzi jkunu miftuha ghal kulhadd.  “Iċ-ċentru Esplora għandu jkun id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, inkluż il-persuni li għandhom diżabbilità li għalina huma importanti ħafna,” qal Dr Bonnici.  Il-Ministru Bonnici qal li hu jrid iktar persuni li jidħlu fid-dinja tax-xjenzi għall-avvanz tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna u hu għalhekk importanti li iktar persuni jersqu lejn ċentri bħalma hu l-Esplora.  Saħaq li dan il-ftehim isegwu fuq ftehimiet oħrajn li wkoll għandhom l-għan li jinċentivaw iktar u iktar persuni jżuru dan iċ-ċentru li jagħtu togħma importanti ħafna tal-possibilitajiet kbar li hemm fix-xjenzi.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li “permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qegħdin niffaċilitaw aktar id-dritt ta’ tgawdija ta’ esperjenzi varji ta’ tagħlim u divertiment li persuni b’diżabbiltà għandhom dritt għalihom daqs kull membru ieħor tas-soċjetà Maltija. Ftehim li se jkun qiegħed jinċentiva mhux biss lill-eluf ta’ persuni b’diżabbiltà imma wkoll lill-entitajiet governattivi u għaqdiet volontarji li qegħdin jagħmlu xogħol kbir u siewi ma’ dawn il-persuni.”  Hija żiedet tgħid li “aktar minn hekk il-persuni l-aktar konċernati, il-persuni b’diżabbiltà, se jkomplu jħossuhom li huma daqs u bħal ħaddieħor. Li huma parti integrali mis-soċjetà Maltija, li l-aspirazzjonijiet tagħhom huma bħal u daqs ta’ ħaddieħor u li m’għandu jkun hemm xejn li jxekkilhom milli jilħquhom. Ebda persuna m’għandha tiffaċċja xi forma ta’ restrizzjoni fejn tidħol aċċessibiltà għal dak kollu li toffri l-ħajja, inkluż fil-qasam edukattiv, formali jew le. B’aċċessibiltà ma nfisirx biss aċċessibiltà fiżika imma wkoll aċċessibiltà għal kull aspirazzjoni li jista’ jkollu kull wieħed u waħda minna tul ħajjitna.”

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li “Esplora huwa msawwar fuq il-kunċetti ta’ diversità u accessibilità fejn tidħol l-edukazzjoni informali u r-rikonoxximent li l-persuni b’diżabilità mhumiex grupp omoġenju huwa importanti ferm għal Esplora għax b’hekk ngħarfu u nqisu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-individwi. Qal li Esplora se jkun qed jaħdem qatiegħ flimkien mal-entitajiet rispettivi  sabiex ikomplu jiġu offruti attivitajiet xierqa u inklussivi.

Sadattant se jingħażel film ġdid għall-Planetarju f’Esplora immirat lejn persuni li jgħixu b’diżabbiltajiet intellettwali sabiex dawn ukoll ikunu jistgħu jesperjenzaw din l-attrazzjoni  ssussidjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. Il-ftehim jaħseb ukoll biex permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u Esplora jkunu żviluppati attivitajiet b’mod inklussiv għal diversi gruppi ta’ nies fosthom dawk neqsin mid-dawl. Iż-żewġ entitajiet se jkunu qegħdin jaħdmu wkoll flimkien biex jissaħħaħ il-kunċett imsejjaħ ‘Autism Friendly Hours’ li Esplora toffri darba fix-xahar.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com