“Il-Gvern Gerfex Lill-Għaqdiet U Issa Qed Jgħid Li Se Jisma’ ” – Il-PN

 “Il-Gvern Gerfex Lill-Għaqdiet U Issa Qed Jgħid Li Se Jisma’ ” – Il-PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista għamel referenza għar-rakkomandazzjonijiet li l-għaqdiet volontarji f’Malta, kif rappreżentati mill-Kunsill Malti tal-Volontarjat, għamlu l-ġimgħa li għaddiet sabiex il-Gvern Laburista jibdel ir-regolamenti kontroversjali li daħħal hu stess dwar ġbir ta’ flus mill-pubbliku u dwar ħwienet fejn isir bejgħ biex jinġabru flus għall-karita’.

L-istqarrija qalet li mit-tibdil propost, il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern Laburista huwa maqtugħ mir-realta’ li jgħixu l-għaqdiet, tant li r-regolamenti li għamel ma jappellawx għalihom u qed jixħtu fuqhom piżijiet kbar li jheddu l-eżistenza tagħhom u li jgerrxu l-voluntiera li jaħdmu magħhom. “Dan l-inkwiet bla bżonn għall-għaqdiet, seta’ jiġi evitat kollu sempliċement b’konsultazzjoni adegwata qabel ma ġew ippubblikati r-regolamenti. B’inkompetenza kbira, l-Gvern Laburista ħadem bil-maqlub, l-ewwel ippubblika r-regolamenti kif deherlu hu u bla konsultazzjoni ta’ xejn, biex gerfex lill-għaqdiet u issa qed jgħid li se jisma’.”

Il-Partit Nazzjonalista ra r-rakkomandazzjonijiet tal-għaqdiet u qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu dwarhom. Mhux hekk biss, iżda jwiegħed lill-għaqdiet li spalla ma’ spalla magħhom se jibqa’ jinsisti mal-Gvern biex jiżgura li dan jimplementa r-rakkommandazzjonijiet.

Temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-għaqdiet biex jibqgħu jaħdmu id f’id flimkien, għax hu biss fl-għaqda li hemm il-forza u allura huwa biss bl-għaqda li jistgħu jaslu biex jipperswadu lill-Gvern Laburista jneħħi l-piżijiet li kappriċjożament għoġbu jixħet fuqhom.

Din kienet iffirmata minn Kevin Cutajar – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com