Il-Kantant Renato Micallef Se Jikkontesta L-Elezzjoni Ġenerali

 Il-Kantant Renato Micallef Se Jikkontesta L-Elezzjoni Ġenerali

StradaRjali.com jista’ jikkonferma li l-kantant Renato Micallef ser jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista.

Renato li rrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1975 bil-kanzunetta ‘Singing this song’ huwa personalita’ magħrufa ħafna u mhux xi sigriet li tul ħajtu dejjem kien jissimpatizza mal-Partit Laburista, madanakollu issa ħass li l-pass naturali li jmiss hu li jikkontesta għall-Elezzjoni Ġenerali li ġejja fuq it-8 distrett, li jinkludi Ħal-Balzan, Birkirkara, Fleur De Lys, Is-Swatar, L-Iklin u Ħal Lija.

Il-fatt li f’dan id-distrett mhux se jkun hemm l-eks Ministri Chris Cardona u Edward Scicluna, Renato mistenni jattira numru ta’ voti ta’ dawn il-kandidati li bejniethom ġabu mas-7,000 vot fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Dan waqt li canvasers ewlenin ta’ Cardona u Scicluna diġa bdew jaħdmu u jħabbtu l-bibien f’isem Renato.

Renato qalilna li issa li se jagħlaq 70 sena jista’ jikkonċentra aktar fuq il-politika u jħoss li għandu ħafna x’joffri l-Partit Laburista immexxi minn Robert Abela li wettaq tant ġid fl-aħħar 8 snin.

Jidher li Renato kien avviċinat minn diversi persuni fit-tmexxija tal-Partit Laburista fl-aħħar xhur u kompliet tiżdied il-pressjoni meta l-Partit Nazzjonalista ħabbar li Julie Zahra, kantanta oħra li r-rappreżentat lil Malta fil-Eurovision tal-2004 ma’ Ludwig Galea b’On Again Off again’ kienet approvata biex tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Dan għaliex waqt li bħalissa l-Partit Nazzjonalista għandu żewġ kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali u saħansitra Deputat li rrapreżentaw lil Malta fil-Eurovision, Julie Zahra u Claudette Buttigieg (Pace) rispettivament, il-Partit Laburista sal-mument li Renato ħabbar il-kandidatura tiegħu, kellu biss lil Lynn Faure Chircop li rrapreżentat lil Malta fil-Eurovision fl-2003.

B’hekk issa li ż-żewġ partiti għandhom żewġ kandidati kull wieħed li rrapreżentaw lil Malta fil-Eurovision, l-elezzjoni ġenerali li jmiss żgur li se tkun waħda missielta, l-aktar fejn jidħlu l-kantanti li ħadu sehem fil-Eurovision. Fil-fatt Julie Zahra u Lynn Faure Chircop mistennija li jikkontestaw fuq l-istess distrett, jiġifieri l-ewwel distrett.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com