Il-Ministru Owen Bonnici Nieda Konsultazzjoni Pubblika Għal Wara L-Pandemija
Il-Ministru Għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-pandemija, Dr. Owen Bonnici nieda konsultazzjoni pubblika dwar 12-il qasam tematiku li se jkunu l-bażi tal-istrateġija għal wara l-pandemija tal-COVID-19.
L-oqsma tematiċi li se jkunu l-bażi tal-istrateġija għal wara l-pandemija jibbażaw fuq li:
- Pajjiżna qed iħares lejn din l-istrateġija minn pożizzjoni b’saħħitha
- Strateġija li tkun tan-nies u li trid issir flimkien ma’ kulħadd
- Iktar minn 40 laqgħa fi tmien ġimgħat mill-Isteering Group tal-Istrateġija
Il-Ministru bonnici kien akkumpanjat mic-Chairperson tal-Isteering Group dwar l-Istrateġija l-Professur Simone Borg u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Joyce Dimech, fejn saħaq li l-mira tal-gvern hi li l-istrateġija tkun tan-nies u li ssir flimkien ma’ kulħadd u b’mod miftuħ.
Semma kif l-esperti internazzjonali qed ibassru li pajjiżna se jkun wieħed mill-ewwel li se jirkupraw ekonomikament mill-pandemija fl-Unjoni Ewropea.
Fakkar ukoll li dan hu gvern li ilu għaddej b’diversi riformi għax għandu pjan għal diversi setturi, bħall-kostruzzjoni, l-akkomodazzjoni soċjali u l-governanza, waqt li qed iniedi u jimplimenta pjani għal setturi bħat-turiżmu li ġew milquta bil-kbir mill-pandemija.
Huwa sostna li l-fatt li ninsabu b’saħħitna ma jfissirx li ma nħarsux lejn il-futur jew li ma noħolmux aktar, u għalhekk il-gvern hu ffukat biex iħejji strateġija għal wara l-COVID-19.
Il-Ministru Bonnici sostna li l-gvern irid li nitkellmu fuq x’tip ta’ Malta rridu, għaliex jemmen li rridu niġġeddu kontinwament biex nibqgħu nirnexxu.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Isteering Group il-Professur Simone Borg sostniet li l-pandemija ħalliet impatti kbar fuq diversi setturi imma toffri wkoll opportunità biex nibnu soċjetà li tibqa’ miexja ’l quddiem waqt li tkun iktar inklussiva u sostenibbli.
Hija spjegat li l-Isteering Group, wara konsultazzjonijiet vasti u riċerka li wettaq, fassal tnax-il punt tematiku li fuqhom se tinbena l-istrategija nazzjonali post-pandemija. Dawn il-punti tematici, li tqiegħdu għall-konsultazzjoni pubblika, jindirizzaw tliet mistoqsijiet ewlenin u cioè kif intejbu l-kwalità tal-ħajja u t-tisħiħ tas-soċjetà, kif inħarsu n-negozju u l-impjiegi biex naslu għall-irkupru mill-impatti tal-pandemija, u kif nibqgħu nazzjon reżiljenti u kompetittiv.
Min-naħa tagħha, is-Segretarja Permanenti Joyce Dimech fakkret dan l-Isteering Group kellu iktar minn 30 laqgħa ma’ stakeholders ewlenin u ministeri f’Malta u f’Għawdex u 10 laqgħat oħra formali f’dan il-grupp innifsu, apparti minn laqgħat informali oħrajn. Is-Sinjura Dimech qalet li dawn il-laqgħat għadhom għaddejjin, u se jkun hemm aktar matul il-jiem li ġejjin.
Il-konsultazzjoni hi miftuħa sal-31 ta’ Mejju 2021 u l-feedback li se jasal bis-saħħa ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni u minn laqgħat ma’ stakeholders oħra se jittieħed in konsiderazzjoni fl-iffinalizzar tal-istrateġija finali. L-istrateġija finali se tiġi ppubblikata qabel l-aħħar ta’ Ġunju li ġej.
Id-dokument għall-konsultazzjoni fil-verżjoni bil-Malti u bl-Ingliż jinsab hawnhekk; https://we.tl/t-HrWWU838iw.