Ippreżentata Liġi Għal Aktar Trasparenza Fil-Qasam Ambjentali Mill-Oppożizzjoni

 Ippreżentata Liġi Għal Aktar Trasparenza Fil-Qasam Ambjentali Mill-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista permezz tal-Kelliem għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar ressqet abbozz ta’ liġi biex l-operat tal-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jibda jkun aktar trasparenti.

Fil-preżenza tal-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, Robert Cutajar stqarr li b’dan l-abbozz, l-Oppożizzjoni qed tibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu dwar kif u fejn il-Partit Nazzjonalista jrid jimxi fil-qasam ambjentali f’pajjiżna. Bil-fatti bil-preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz, l-Oppożizzjoni se tkun qed tara li fl-ERA jkun hemm trasparenza assoluta fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istess entita’. Dan billi l-laqgħat ikunu miftuħa għall-pubbliku, l-aġendi u l-minuti jkunu pubbliċi u li l-pubbliku inġenerali u l-għaqdiet ambjentali jingħatalhom kull opportunita’ li jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom quddiem l-istess bord.

L-istqarrija tenniet li konxja mill-ħsara kbira li ġiet u li qed tiġi kkawżata fl-ambjent ta’ madwarna, anke’ b’deċiżjonijiet insensittivi minn entitajiet governattivi, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jressaq proposti konkreti u fattibbli bl-interess uniku jkun li filwaqt li nibqgħu naħdmu biex insibu bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, il-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Malti tibda tingħata l-attenzjoni u l-prijorita’ li jixirqilha bis-serjeta’ u bil-fatti u mhux bil-kliem. Dan anke’ billi filwaqt li nissalvagwardjaw l-ambjent llum naraw ukoll li b’legislazzjonijiet u b’azzjonijiet konkreti nħallu ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan huwa dak li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwiegħed lill-poplu Malti u Ghawdxi b’paġna ġdida anke’ fil-qasam ambjentali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com