Il-Parlament Ewropew Japprova L-Passaport Tal-Vaċċin

 Il-Parlament Ewropew Japprova L-Passaport Tal-Vaċċin

Il-Parlament Ewropew vvota favur il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, dik tal-passaport tal-vaċċin, magħruf bħala d-‘Digital Green Certificate’.

Dan tħabbar hekk kif l-Erbgħa filgħaxija saret il-votazzjoni b’ 540 Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw favur, 119-il Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw kontra filwaqt li 31 Membru Parlamentari Ewropew astjenew.

Dan il-vot qed jassigura dritt fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dak li ċ-ċittadini Ewropej jivvjaġġjaw b’mod sigur.

Dan iċ-ċertifikat mhux biss se jfisser li jkun hemm safar b’mod sigur, iżda wkoll moviment ħieles u sigur għal dawk iċ-ċittadini Ewropej li jaħdmu fl-Unjoni Ewropea.

Dan il-passaport tal-vaċċin se jkun fuq il-bażi ta’ nies imlaqqma, dawk li jkollhom test negattiv u ċertu nies li kienu pożittivi għall-virus fil-passat u għalhekk għandhom l-immunità għall-virus. Dan il-passaport, li mistenni jibda jintuża fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minn Ġunju li ġej, se jkun wieħed bla ħlas u se jkun qed jingħata b’mod tradizzjonali, jiġifieri fuq karta jew b’mod diġitali.

Id-Digital Green Certificate se jkun attrezzat b’karatteristiċi ta’ sigurtà, hekk kif se jkun hemm QR Code, sabiex jagħmilha iżjed diffiċli biex wieħed jiffalsifikah.

Dan il-passaport tal-vaċċin mhu se jkun qed jiddiskrimina lil ħadd, hekk kif dawk li ma jistgħux jew ma jridux jitlaqqmu, xorta waħda jistgħu jużawh billi jippreżentaw test negattiv qabel jivvjaġġaw, li se jkun immarkat f’dan il-passaport ukoll.

Malta kienet fost tal-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li appellat biex isir dan il-passaport ħalli jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com