Il-Partit Laburista Jgħid Li Jirrikonoxxi L-Isfidi Soċjali U Li Ma Jibżax Mill-Bidla
Fi stqarrija uffiċjali il-Partit Laburista qal li l-Partit “dejjem kellu l-kuraġġ li jirrikonoxxi l-isfidi soċjali, u bħalma kien attiv fi sferi oħra, fil-ġimgħat li ġejjin se jkun protagonist fid-diskussjoni dwar il-liġi tal-użu responsabbli tal-kannabis u se jieħu sehem f’konsultazzjoni interna kif ukoll ma’ dawk kollha li jixtiequ jipparteċipaw”. L-istqarrija żiedet tgħid li “għal darb’oħra, il-Partit Laburista se jkun stakeholder ewlieni li jressaq l-ideat tiegħu, u anki kritika jekk ikun hemm bżonn”. Dan qalu id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu, ġimgħa wara li l-Prim Ministru Robert Abela nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
L-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista qalet li “Daniel Micallef innota kif il-Gvern, b’kuraġġ – għall-kuntrarju ta’ dak li konna mdorrijin naraw qabel fil-pajjiż fejn jidħlu riformi ambizzjużi, ma beżax mill-bidla, primarjament għaliex huwa konxju tar-realtajiet soċjali li jeżistu. Filwaqt li l-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, qal li l-Partit Laburista u ż-żgħażagħ li jimmilitaw fih ma jibżgħux jiddiskutu suġġett li jista’ jkun skomdu u li għal ħafna snin kien u jista’ jkun għadu tabù”. “Ċert li kull wieħed u waħda minna nafu nies li pejpu l-kannabis. Mingħajr dawn ir-riformi, iż-żgħażagħ ġenwini, uħud anki professjonisti, jirriskjaw li jinqabdu b’joints tal-kannabis u jgħaddu minn snin ta’ martirju meta jmissu mas-sistema tal-ġustizzja, b’riżultat li jistgħu jħallu impatt fuq il-futur tal-ħajja tagħhom u tal-familja tagħhom”, qal Georvin Bugeja.
Ingħad ukoll fl-istqarrija li Georvin Bugeja fakkar kif iż-żgħażagħ ukoll għandhom l-isfidi tagħhom, u jridu jibbilanċjaw bejn il-ħajja edukattiva, ix-xogħol u l-istudju. Hawnhekk semma r-realtà u l-isfidi li jgħaddu minnhom żgħażagħ li jkunu nqabdu b’joint u li jiġu trattati ta’ kriminali.
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, qalet li l-proposti kollha li tressqu ’l quddiem huma frott bilanċ responsabbli bejn riċerka u edukazzjoni. “Smajna diversi ommijiet li qed jibżgħu minn din ir-riforma, u għalhekk sodisfatti li l-proposti tal-Gvern huma responsabbli u meqjusa, u fuq kollox jibbilanċjaw lil xulxin. Ilqajna b’mod pożittiv ħafna l-projbizzjoni li jkun hemm tipjip tal-kannabis fil-pubbliku u quddiem it-tfal. Dan jgħodd ukoll għax-xorb alkoħoliku u s-sigaretti.” Nikita Zammit Alamango semmiet il-proposta li titwaqqaf Awtorità responsabbli għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kannabis u fakkret li t-tisħiħ legali se jsir fi sfond ta’ edukazzjoni aktar effettiva dwar is-suġġett, ibbażata fuq fatti xjentifiċi u l-kunċett tal-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi.
Il-Partit Laburista qal li kull min jixtieq jgħid tiegħu dwar is-suġġett huwa mħeġġeġ jibgħat il-ħsibijiet tiegħu fuq [email protected].