Il-Partit Nazzjonalista Jtenni Li Mill-Ġdid Qed Tispikka L-Arroganza Tal-Gvern Laburista

 Il-Partit Nazzjonalista Jtenni Li Mill-Ġdid Qed Tispikka L-Arroganza Tal-Gvern Laburista

Fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista ntqal li l-Gvern ma aċċetta l-ebda waħda mis-sitt emendi li tressqu mill-Oppozizzjoni waqt li fil-Kumitat tal-Abbozzi kienet qed tiġi diskussa l-liġi dwar it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Intqal li dawn l-emendi saru bil-ħsieb li tiġi assigurata l-indipendenza, t-trasparenza u l-imparzjalita’ ta’ dan it-tribunal daqshekk importanti, sabiex itejjeb l-operat tiegħu u sabiex l-għaqdiet ambjentali jkunu jistgħu jappellaw minn deċiżjonijiet tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-Awtorita’ tar-Riżorsi u l-Ambjent.

Il-Kelliema għall-PN qalu wkoll li l-atteġjament tal-Ministru Aaron Farrugia, wera biċ-ċar li jrid jżomm f’idejh il-poter li jaħtar il-membri ta’ dan it-tribunal u ma laqgħax il-proposta tal-Oppożizzjoni illi dawn jiġu maħturin minn kumitat indipendenti kif issa qed jinħatru l-membri tal-ġudikatura. “L-anqas laqa’ l-proposta li l-għaqdiet ambjentali jitpoġġew f’pożizzjoni li dejjem ikunu jistgħu jappellaw minn deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet daqshekk importanti.”

Saħqu, li Farrugia għamel hekk għax skontu, tali miżura tista’ tagħti lok għall-abbuż. “B’dan l-atteġjament il-Gvern Laburista reġa’ wera bil-fatti n-nuqqas ta’ fiduċja li għandu fl-għaqdiet ambjentali.”

L-istqarrija temmet tgħid li għal darb’oħra l-Gvern Laburista wera li mhux veru kommess li jittratta l-materji tal-ambjent bis-serjeta’ li jixirqilhom u li f’dan il-qasam, bħal ħafna oħrajn, bejn il-paroli u l-fatti hemm baħar jikkombatti.

Din kienet iffirmata minn: Robert Cutajar – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima, Joseph Ellis- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali u Hermann Schiavone – Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar u l-Industrija tal-Kostruzzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com