Investigat Eks Supretendent Tal-Pulizija Fuq Leaks Lil Melvin Theuma
Ray Aquilina li kien Supretendent fi ħdan it-Taqsima tal-Pulizija tar-Reati Ekonomiċi, ġie arrestat wara li qed ikun allegat li għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Ray Aquilina qed jiġi nterrogat it-Taqsima tal-Pulizija tar-Reati Ekonomiċi, fil-Ħamrun.
Minbarra Aquilina, illum il-Pulizija mistennija ssejjaħ persuni oħra għall-interrogazzjoni.
Is-sensar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, taħt ġurament fil-Qorti qal li kienu qalulu li kien se jirċievi lista bil-postijiet fejn il-Pulizija kienet se tagħmel tfittxijiet, f’Novembru tal-2019. Jirriżulta li din il-lista kellha tingħadda minn Aquilina li dak iż-żmien kien jaħdem fit-taqsima tar-reati ekonomiċi.
Fil-Qorti, Thuema dejjem qal li ħabib u sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech, Johann Cremona, kien jgħidlu li se jġibulu l-lista tal-postijiet fejn il-Pulizija se tagħmel it-tfittxijiet tagħha b’rabta ma’ investigazzjonijiet relatati ma’ ħasil ta’ flus.
Waqt diversi seduti fil-kumpilazzjoni ta’evidenza kontra Yorgen Fenech, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Melvin Theuma xehed li Cremona filli kien jgħidlu li l-Pulizija se jarrestawh fuq ħasil ta’ flus u filli jgħidu li kollox taħt kontroll. Fil-Qorti Theuma qal li ma tantx kien jemminhom li se jkun arrestat minħabba f’hekk.