Investiment ta’ €65,000 fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti f’Ħal Far

 Investiment ta’ €65,000 fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti f’Ħal Far
Martina, tfajla ta’ 13-il sena, tuża apparat teknoloġiku assistiv sabiex tkun tista’ tikkomunika. Grazzi għal dan l-apparat assistiv, Martina tkellmet dwar l-interessi tagħha u kif fuq kollox tuża apparat teknoloġiku assistiv sabiex tkun tista’ tkompli l-edukazzjoni tagħha, tikkomunika mal-familjari, kif ukoll ma’ sħabha. Dan seħħ waqt żjara li l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli għamlet fiċ-Ċentru Sonia Tanti Taqsima Ħajja Indipendenti (STILC) f’Ħal Far, fejn Aġenzija Sapport fl-aħħar sena investiet aktar minn €65,000 sabiex tkun tista’ ttejjeb il-faċilitajiet u l-apparat li jintuża fil-provediment tad-diversi servizzi mogħtija minn din il-binja.
Martina tagħmel użu mis-servizz tal-Access to Communication & Technology Unit (ACTU) mmexxi mill-Aġenzija Sapport. L-għan prinċipali tas-servizz tal-ACTU hu biex jipprovdi assessjar u appoġġ lil tfal li jkollhom diffikultajiet ta’ komunikazzjoni ta’ natura kumplessa permezz ta’ Speech & Language Therapists u wkoll Occupational Therapists. Dawn is-servizzi jinkludu rakkomandazzjonijiet għal sistemi u strateġiji ta’ mezzi awmentattivi u alternattivi ta’ komunikazzjoni, kif ukoll assessjar biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi biex persuni b’diżabilità fiżika u intellettwali jkunu jistgħu jaċċessaw il-kompjuter. Isir ukoll assessjar tal-ambjent tal-persuna. Dan is-servizz jingħata lil tfal taħt is-16-il sena. Fl-aħħar xhur, dan is-servizz beda jagħti wkoll appuntamenti ta’ konsultazzjoni lil adulti b’diżabilitajiet varji.
Fl-istess ċentru, jitmexxa wkoll servizz ieħor magħruf bħala STILC minn fejn jiġu offruti diversi servizzi, li kollha huma mmirati sabiex iżidu l-indipendenza ta’ persuni b’diżabilità u għalhekk l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà.  Dawn is-servizzi jinkludu assessjar għal apparat assistiv li jgħin fil-mobilità tal-persuna, assessjar għal siġġu tar-roti skont il-bżonnijiet tal-persuna, assessjar ta’ sewqan permezz ta’ driving simulator, rakkomandazzjonijiet għal modifikazzjonijiet fil-vetturi ta’ persuni li jkollhom bżonn jadattaw il-vetturi tagħhom skont id-diżabilità li jkollhom, kif ukoll lezzjonijiet tas-sewqan fuq karozza modifikata. Dawn is-servizzi jingħataw grazzi għall-kollaborazzjoni li l-aġenzija għandha ma’ diversi entitajiet fosthom id-Direttorat tal-Allied Health Care Services fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, il-kumpanija Ottobock fl-Ingilterra, kif ukoll mal-Adaptive Driving Motoring School. Dawn is-servizzi jistgħu jintużaw ukoll minn dawk li żviluppaw diżabilità minħabba inċident jew mard kroniku u għalhekk ma jkollhomx diżabilità sa mit-twelid.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li probabbli l-intervista li għamlitilha Martina kienet l-aktar intervista li fiha emozzjoni, “għax turi l-progress ta’ tfajla ta’ 13-il sena li filli ma tikkomunikax u filli kienet kapaċi tagħmel konverżazzjoni fuq diversi suġġetti. Dan huwa l-għan ta’ dan iċ-ċentru, li nagħtu l-għodda, il-kapaċità, l-indipendenza lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna. Imma huwa wkoll pass importanti qabel jidħlu għad-dinja tax-xogħol. Kemm huwa importanti li bit-teknoloġija assistiva ngħinuhom jagħmlu dan b’mod faċli u b’mod aktar transitorju”.
Hija żiedet tgħid li dak kollu li jsir f’dan iċ-ċentru jinkwadra perfettament fid-determinazzjoni tal-gvern li ħadd ma għandu jitħalla jaqa’ lura, tkun xi tkun iċ-ċirkostanza. “Din hija prova oħra li kulħadd għandu x’joffri u li ma għandu jkun hemm xejn milli jxekkel lil xi ħadd milli ma jħossux parti integrali mill-kumplament tas-soċjetà”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras spejgat kif dawn is-servizzi huma minn tal-aħħar li saru parti mill-għażla vasta ta’ servizzi li toffri l-aġenzija. Dan ikompli juri kemm Aġenzija Sapport hi kommessa li tagħti servizz ħolistiku lill-persuni b’diżabilità ta’ kull età, anke peress li persuni li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ STILC u ACTU ikomplu jiġu mgħejuna permezz ta’ sussidji u eżenzjonijiet li toffri l-aġenzija stess, u għalhekk tagħmel ix-xiri u l-proċess għal dawn is-servizzi aktar aċċessibbli.
Ritratt: DOI / Clifton Fenech
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com