“It-Tfal Qed Jaġixxu B’Mod Differenti” – Sensei Alan Borg Dwar L-Effetti Tal-Pandemija

 “It-Tfal Qed Jaġixxu B’Mod Differenti” – Sensei Alan Borg Dwar L-Effetti Tal-Pandemija

Tkellem magħna Sensei Alan Borg li jmexxi ċentru sportiv tal-Kick boxing fejn imorru jittrenjaw bosta persuni ġejjin minn kull faxxa ta’ età.

Qalilna li għall-bidu tal-pandemija ppruvaw ma jagħtux tant kas iżda malli bdew igerbu l-ġimgħat u x-xhur, ħassew l-effett tagħha fuq saħħet in-nies; kemm fiżikament u anke mentalment. Innutaw ukoll ċerta ansjetà fost it-tfal.

“F’ Malta hawn iktar min mitt klabb ta’ dixxiplina sportiva differenti (apparti l-football Nurseries  u oħrajn) fejn meta nitkellmu bħala coaches mal-ġenituri, jidher ċar kemm it-tfal qed jaġixxu b’ mod differenti, b’ nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni ma’ tfal oħra. Aħna nissuġġerixu lill-ġenituri biex jgħinu lil uliedhom jgħebu l-ansjetà billi jkunu pożittivi u jispjegaw li dan hu għal żmien temporanju u li se jgħaddi”, esprima ruħu Borg.

Enfasizza li kull attività fiżika hija ta’ xprun għall-poplu Malti speċjalment għat-tfal fejn ir-rata tal-obeżità hija waħda allarmanti.

Spjega kif din il-problema ser iżżid ukoll fl-infieq għas-saħħa tal-pajjiż biex jirreaġixxu għall-kumplikazzjonijiet li l-obeżità tista’ toħloq fil-futur, bħal mard tal-qalb, dijabete, pressjoni għolja, kanċer u problemi ta’ saħħa mentali fost oħrajn. Qal li għalkemm jifhmu li din mhux problema ta’ pajjiżna biss, huwa fl-interess tagħhom u ta’ kulħadd li joħolqu kuxjenza dwar dan.

Temm jgħid li bħala klabbs tal-arti marzjali jifhmu s-sitwazzjoni u japprezzaw li mill-10 ta’ Mejju ‘il quddiem, il-Gvern irikonoxxa l-fatt li hemm bżonn li dawn l-imkejjen jerġgħu jinfetħu. Appella wkoll biex kulħadd ikun kawt u jimxi mar-regoli li qed jissuġġerixxu l-awtoritajiet tas-saħħa biex b’hekk, kulħadd jibbenefika minn stil ta’ ħajja aħjar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com