Ippreżentati L-Premjijiet Lir-Rebbieħa Ta’ Mużika Mużika
Aktar minn 320,000 persuna mifruxa fuq tliet iljieli segwew Mużika Mużika, li mmarka r-ritorn tal-Festival Kanzunetta Maltija, wara nuqqas ta’ iktar minn 7 snin.
Waqt li ngħataw il-premji monetarji lit-tliet kanzunetti rebbieħa, il-Ministru José Herrera qal li x-xogħol tal-organizzaturi u t-talent tal-parteċipanti għaqdu nazzjon flimkien, u ħoloq sens ta’ tama tant meħtieġa waqt dan iż-żmien diffiċli.
Philip Vella ingħata €10,000 għall-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’, li kienet interpretata minn Glen Vella u miktuba minn Joe Julian Farrugia.
€5,000 ingħataw lil Gilbert Camilleri, il-kompożitur tal-kanzunetta ‘Għajjejt Inħobb’ li ġiet fit-tieni post u kienet interpretata minn Christian Arding u miktuba minn Rita Pace. Il-kanzunetta rebħet ukoll il-vot tal-ġurija.
Dan filwaqt li €3,000 ingħataw lil Elton Zarb għall-kanzunetta ‘L-Ewwel Jien’ li ġiet fit-tielet post, interpretata minn Kantera u miktuba minn Joe Julian Farrugia.
It-trofew lir-rebbieħa tal-premju tal-Aħjar Interpretazzjoni u l-Aħjar Arranġament Mużikali ingħata lil Christian Arding u Norbert Camilleri rispettivament.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala esprimiet sodisfazzjon għall-produzzjoni li saret, u spjegat li l-artisti lokali għandhom pjattaforma xierqa fejn jistgħu juru t-talent tagħhom bil-lingwa Maltija.
Ħabbret ukoll li Festivals Malta diġa qed jaħdem fuq l-edizzjoni tas-sena d-dieħla, filwaqt li qiegħed jipproduċi wkoll il-filmat mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’.