Proċess Xjentifiku Biex Ikun Analizzat Kif Qed Jevolvi N-Nazzjon Malti

 Proċess Xjentifiku Biex Ikun Analizzat Kif Qed Jevolvi N-Nazzjon Malti

Beda l-proċess tal-istħarriġ xjentifiku bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’, bl-għan aħħari jkun analiżi ta’ kif qed jevolvi n-nazzjon Malti.

Ir-riżultati tal-istħarriġ se jkunu ppreżentati u diskussi waqt konferenza li se ssir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju 2021.

Dan kollu qed isir fuq inizjattiva tal-istatistiku u lettur Vincent Maramarà flimkien mal-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondi, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.

L-istħarriġ se jiffoka fuq id-diversi aspetti li jswaru n-nazzjon tagħna, u jistaqsi dwar dak li jiddefinixxi lill-poplu.

Sabiex jintlaħaq dan, se ssir analiżi ta’ aspetti bħar-reliġjon, il-kultura, ix-xogħol, l-għażliet li jsiru ta’ kuljum, id-drittijiet, il-politika, l-aspett finanzjarju u ħafna oħrajn.

Għall-istudju xjentifiku se jkun hemm kampjun rappreżentattiv ta’ mhux inqas minn 1,000 persuna li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq, u se jirrifletti d-demografija tal-pajjiż. B’hekk, l-istudju joqrob kemm jista’ jkun lejn ir-realtà ta’ dak li jħossu u jaħsbu l-Maltin u l-Għawdxin.

L-Uffiċċju tal-President ħeġġeġ għall-kooperazzjoni tal-pubbliku li se jiġu kkuntattjati għall-ġbir tad-data waqt dan il-proċess.

Ritratt: OPR

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com