Jiftħu Appell Kontra Żvilupp Fil-Qala – Tintalab ir-Revoka Għal Blokka Ta’ 63 Appartament

 Jiftħu Appell Kontra Żvilupp Fil-Qala – Tintalab ir-Revoka Għal Blokka Ta’ 63 Appartament

Il-Moviment Graffitti u l-Kunsill Lokali tal-Qala, bl-appoġġ tas-Sindku Paul Buttigieg, fetħu proċeduri legali mat-Tribunal tal-Ippjanar biex jiġi revokat il-permess għall-bini ta’ blokka ta’ 63 appartamenti fiż-żona Ta’ Kassja. Dan huwa l-aħħar stadju ta’ proġett residenzjali ta’ ’l fuq minn 160 appartament li jkopri medda art akbar minn 3 grawnds tal-futbol f’żona magħrufa bħala Ta’ Għar Boffa. L-art meħuda tisporġi ’l barra mid-demarkazzjoni fejn jista’ jsir żvilupp.

Id-deċiżjoni qed tiġi appellata abbażi tal-fatt li l-aħħar proġett li ġie approvat jifforma parti minn proġett ħafna ikbar li ġie intenzjonalment maqsum f’4 stadji differenti fuq perjodu ta’ sentejn. Dan sabiex tingħata l-impressjoni li dawn huma proġetti separati taħt isem ta’ 4 applikanti differenti, li kollha għandhom konnessjoni ma’ Joseph Portelli, fosthom it-tifla tiegħu stess Chloe Portelli. Il-ħsieb wara l-frammentazzjoni ta’ dan il-proġett sħiħ tal-kumpanija J Portelli Projects, kien sabiex jevadi l-iskrutinju li proġett ta’ dan il-massività jitlob.

Fi stqarrija mill-Moviment Graffiti, intqal li saru wkoll dikjarazzjonijiet kontradittorji mill-applikanti rigward il-pussess tal-art meta ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet. Fi tnejn mill-applikazzjonijiet, l-applikanti qalu li huma s-sidien uniċi tal-art kollha indikata fil-pjanta, mentri dan ma ġiex verifikat.

Kelliem għall-grupp spjega li dawn il-fatturi waslu biex l-proġett jiġi approvat. Il-fatt li l-proġett, li minnu diġà nbnew mal-100 appartament, ġie ppreżentat fi stadji differenti wassal ukoll biex l-iżvilupp gradwalment jokkupa iktar art ODZ. “Dan juri l-loopholes ċari li jeżistu fil-policies tal-ippjanar u l-mod sfaċċat li bih qed jiġu sfruttati għall-interessi ta’ indidwi partikolari, b’dannu ambjentali u soċjali.”

Tennew li l-art in kwistjoni hija wkoll parti mill-medda ta’ art li fondazzjoni medjevali qed tirreġistra fuq isimiha abbażi ta’ atti notarili li jmorru lura għas-seklu 17. “Bosta familji Għawdxin qed jigu mhedda bi żgombru minn djarhom sakemm ma jħallsux somom kbar ta’ flus. Diversi talbiet biex tiġi investigata l-kwistjoni u ssir ġustizzja ma’ dawn ir-residenti ġew injorati mill-awtoritajiet.”

Il-Moviment Graffitti appella lill-pubbliku għall-ġbir ta’ fondi sabiex ikopri l-ispejjeż legali marbuta mal-appell, u ngħaqad mal-Kunsill Lokali tal-Qala, li se joħroġ parti mill-ispejjeż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com