“L-Iskop Kien Li Flok Rule Of Law Ikun Hawn Kaos Fis-sistema F’Pajjiżna” – Il-Ministru Owen Bonnici.

 “L-Iskop Kien Li Flok Rule Of Law Ikun Hawn Kaos Fis-sistema F’Pajjiżna” – Il-Ministru Owen Bonnici.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea tat sentenza importanti li fiha ddikjarat li r-riforma li kienet twettqet mill-Gvern fl-2016 fejn jidħol il-metodu tal-ħatra tal-Maġistrati u l-Imħallfin kienet pass fid-direzzjoni t-tajba.

“B’hekk il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ċaħdet dak li kienu qed jgħidu l-Għaqda Repubblika megħjunin min-numru ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Therese Commodini Cachia u Karol Aquilina. Dejjem kont konvint li r-riformi li wettaqna kienu korretti u passi kbar ‘il quddiem” qal il-Ministru Owen Bonnici

Spjega li r-riforma li kien mexxa ‘l quddiem fl-2016 kienet waħda importanti ħafna għaliex kienet tolqot l-ogħla liġi tal-pajjiż, il-Kostituzzjoni, fuq tliet aspetti partikolari marbut mal-Ġustizzja.

L-ewwel aspett kien dak li jitratta l-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti, li sussegwentement spiċċa l-mertu tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea. It-tieni aspett kien jitratta metodi ġodda ta’ dixxiplina tal-ġudikanti skont l-aqwa prattiċi fis-settur u t-tielet aspett kien jitratta kondizzjonijiet aħjar għall-membri tal-ġudikatura biex ikomplu jiġu attirati l-aqwa mħuħ, spjega magħna Dr. Bonnici.

Il-Ministru sostna li dawn it-tliet aspetti kienu importanti ħafna u l-pajjiż kien ilu s-snin jixxennaq li jsiru.

“Kienu wkoll delikati ħafna. Għaliex fejn jidħol il-metodu tal-ħatra tal-Ġudikanti, il-Prim Ministru kien qed ineħħi ħafna mill-poter assolut li kellu kull Prim Ministru sa dak iż-żmien,” kompla jispjega.

“Imbagħad fejn jidħlu metodi ġodda ta’ dixxiplina fuq il-ġudikanti din kienet xi ħaġa wkoll delikata ghax tolqot l-essenza tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-Ġudikatura.”

Il-Ministru Bonnici sostna, li anke l-parti tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-membri tal-Ġudikatura kellha ssir b’għaqal biex ma tispiċċax kontroversja politika li flok ġid tagħmel id-deni.

“Niftakar lil Jason Azzopardi fil-Parlament jiddeskrivi din ir-riforma bħala mument storiku u faħħar il-mod ta’ kif iż-żewġ naħat ħadmu flimkien fl-aħjar interess tal-pajjiż,” spjega Dr Bonnici.

Skont Dr Bonnici kien kruċjali li jkun hemm unanimità kemm minħabba raġunijiet legali u, fuq kollox, anke minħabba li moralment huwa tajjeb li riformi bħal dawn isiru bi qbil bejn kulħadd.

Qal li kien sodisfatt ukoll bi stqarrija mill-Assoċjazzjoni tal-Ġudikanti Maltin li faħħret din ir-riforma storika tal-2016.

“Waqt li qabel kull Prim Ministru, inkluż min għamel 25 sena kważi ininterrott fil-Gvern, seta’ jaqbad u jappunta lil min irid biex isir Maġistrat jew Imħallef, Gvern Laburista ra li jinħoloq kumitat awtonomu u indipendenti li jagħrbel il-persuni li jkunu applikaw jew ġew nominati skont kriterji li wħud minnhom jitfasslu mill-Kumitat stess,” qal Dr Bonnici.

“Ghalħekk waqt li l-Partit Nazzjonalista parla ħafna fuq ir-rule of law, kellu jkun Gvern Laburista li jwettaq dawn ir-riformi,” sostna Dr Bonnici.

Fisser ukoll  li hekk kif il-Gvern ġie biex jaħtar l-ewwel grupp ta’ Ġudikanti b’din is-sistema l-ġdida, il-Grupp Repubblika mgħejjun minn Simon Busuttil, Jason Azzopardi u deputati oħra marru jiġru l-Qorti biex jipprovaw iwaqqfuhom milli jieħdu l-ġurament tal-ħatra.

“L-ghan ta’Repubblika u dawn l-esponenti Nazzjonalisti kien ċar ħafna,” qal Dr Bonnici u spjega li l-mira kienet li tinkiseb sentenza mill-Unjoni Ewropea li s-sistema l-ġdida tal-2016 kienet ħażina biex, per konsegwenza s-sentenzi kollha li setgħu taw dawn il-ġudikanti l-ġodda kienu jiġu dikjarati li huma nulli u bla effett.

“L-iskop kien li flok rule of law ikun kaos fis-sistema f’pajjiżna,” qal Dr Bonnici.

Huwa sostna li dan ma seħħx għaliex il-Qorti stess qalet li din ir-riforma saħħet is-saltna tad-dritt f’pajjiżna u li l-argumenti ta’ Repubblika u l-esponenti tal-PN ma kinux aċċettati.

“Irrid infakkar li din is-sistema kienet ġiet imfaħħra mill-Kummissjoni ta’ Venezja li kienet iddeskrivietha bħala pass importanti ‘il quddiem,” temm Dr Bonnici.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com