L-Isport Jibqa’ Wieqaf.. L-Istaġun Tal-Futbol Jidher Li Ser Jieqaf Hawn

 L-Isport Jibqa’ Wieqaf.. L-Istaġun Tal-Futbol Jidher Li Ser Jieqaf Hawn

HPIM1662.JPG

Se jkunu finalment ir-regolamenti li kif kien antiċipat fl-aħħar jiem se jiddeċiedu wara kollox il-verdetti u d-destin tal-Kampjonati tal-Futbol dan l-istaġun, hekk kif l-aħħar deċiżjonijiet imħabbra l-Erbgħa mill-Prim Ministru Robert Abela fejn jidħol rilaxx tal-miżuri marbuta mat-tixrid tal-pandemija COVID19, ma’ jsemmu xejn fejn jidħol sport.

Dan ifisser li l-miżura parti mill-Avviż Legali li tipprojbixxi sport f’kuntatt u s-sospensjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, mħabbra l-Erbgħa 10 ta’ Marzu u li oriġinarjament kienet sat-12 t’April, issa se tiġi estiża għal żmien indefinit.

Kienet għalxejn għalhekk l-istqarrija konġunta jumejn ilu bejn tliet Assoċjazzjonijiet, l-MFA, l-MBA tal-Basketball u l-Aquatic Sports Association tal-Għawm u Sport ieħor tal-baħar, magħhom eventwalment ingħaqdet b’forza ukoll il-Federazzjoni Maltija tal-MotorSport, f’karba lill-gvern biex ma’ jħallix l-isport wieqaf b’detriment qawwi ħafna għal numru t’atleti li jridu jitħarrġu biex jekk mhux domestikament, jikkompetu b’dinjita u preparati kif dejjem ikunu fuq livell internazzjonali.

Tal-iskantament dan il-pajjiż speċjali huwa l-uniku fid-dinja fejn il-futbol tiegħu ilu wieqaf xahar u issa se jibqa wieqaf probabbli għal kollox dan l-istaġun.

Daqqa kbira jekk xejn għat-Tim Nazzjonali li kien qabad it-triq għal progress u issa din il-miżura estiża se tfisser dannu kbir fil-preparazzjoni tal-players Nazzjonali, speċjalment għall-partita ta’ Kwalifikazzjoni f”darna kontra Ċipru fl-ewwel ta’ Settembru li ġej, nazzjon li kontriħ potenzjalment u bil-progress li qed nagħmlu bħala Tim Nazzjonali nistgħu niksbu riżultat pożittiv, kif ġara ftit jiem ilu f’Trnava fi draw ta’ 2-2 kontra s-Slovakkja.

Il-Kampjonati domestiċi issa mistennija għat-tieni staġun infila jiġu deċiżi fuq il-mejda, din id-darba iżda bir-regolament ċar maqbul wara l-ġrajjiet tal-istaġun li għadda.

Dejjem jekk kif mistenni l-Futbol issa jieqaf għal kollox dan l-istaġun, Ħamrun Spartans jiġu nkurunati Champions wara 30 sena, Żejtun Corinthians, Lija Athletic, Tarxien Rainbows u Senglea Athletic relegati għaċ-Challenge League.

Kampjonat taċ-Challenge League li ta’ din is-sena issa jiġi null, qisu qatt ma’ beda u daqqa ta’ ħarta enormi għal Marsa u Pembroke Athleta u l-investiment qawwi li għamlu dan l-istaġun li kien se jippremjhom bi promozzjoni kważi ċerta fl-ogħla diviżjoni qabel is-sospensjoni tal-Kampjonati x-xahar li għadda.

Id-deċiżjonijiet kollha u l-komposizzjoni tal-Kampjonati fl-istaġun li ġej mistennija jittieħdu fil-jiem li ġejjin waqt laqgħat tal-Eżekuttiv u tal-Kunsill tal-Malta Football Association.

Iżda kollox jidher li se jimxi mar-regolament stabbilit.

Klabbs tal-Premier kien jonqoshom anqas minn 25% tal-logħob x’jilgħabu, għalhekk verdetti ċari u jistgħu jingħataw, allura l-klassifika qabel is-sospensjoni tal-Kampjonat tgħodd bħala waħda finali, b’Ħamrun Spartans Champions, Żejtun Corinthians, Lija Athletic, Tarxien Rainbows u Senglea Athletic relegati.

BOV Premier is-season li ġej b’hekk sa fl-aħħar jinżel bi 12-il klabb u probabbli aktar missielet u kompettitiv.

Challenge League null, qisu qatt ma’ beda, jiġu relegati madankollu Qormi li l-verdett fuq il-pitch kien diġa kkundannhom, jifdal erbatax-il klabb, magħhom fis-season li ġej fiċ-Challenge League jingħaqdu l-erba’ timijiet li semmejna relegati mill-Premier, kif ukoll Luqa St. Andrews, Mġarr United, Melita u Rabat Ajax promossi mill-Amateur League.

Liema Kampjonat Amateur League li qabel is-sospensjoni tal-attivita sportiva kien diġa mitmum u għalhekk l-ebda disussjoni dwar il-verdetti, dan kollu jfisser li l-Kampjonat taċ-Challenge League l-istaġun li ġej b’hekk probabilment għall-ewwel darba fl-istorja tat-Tieni Kategorija tal-Futbol Malti jkun magħmul minn 22 tim.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com