Minn Blog Politiku Għal Dak Soċjali – Jitlef Ħafna Piż U Jinkoraġixxi Oħrajn

 Minn Blog Politiku Għal Dak Soċjali – Jitlef Ħafna Piż U Jinkoraġixxi Oħrajn

Alan Abela Wadge kien magħruf għall-blog politiku tiegħu fejn għal diversi snin kien jesprimi ruħu u l-ħsibijiet politiċi tiegħu.

Iżda ddeċieda li jieħu pass lura mix-xena politika u qed jiffoka iżjed fuq suġġetti soċjali fejn dan l-aħħar, qassam mal-pubbliku, l-esperjenza personali tiegħu.

“Tkellimt fuq diversi drabi ta’ meta ġejt bullied jew inkella ġejt mġiegħel inħossni inferjuri jew inqas minn ħaddieħor minħabba l-piż tiegħi.”

Stqarr li mhux faċli jitkellem fuq dan is-suġġet għax għalkemm illum il-ġurnata għandu karattru sod ħafna, fil-passat ma kienx daqshekk sod u forsi kien hemm żmien u mumenti fejn affetwawħ ħażin.

Tenna wkoll li xtaq iqajjem iktar għafien dwar dak dak li bl-Ingliż jisejjaħ fat shaming. Dan ifisser meta bniedem jiġi mgħajjar jew insultat minħabba il-ħxuna. Qalilna li dan is-suġġett żgur li min hu kbir fil-piż, xi darba jew oħra żgur li safa vittma tiegħu.

“Minn hawn nixtieq infakkar lin-nies li wara l-ġisem ta’ dik il-persuna kbira fil-piż, hemm raġel jew mara tad-demm u l-laħam u li l-kumment tiegħek jista’ jkun dak il-kumment li jimbotta lil dak li jkun fi stat ħażin.”

Appella biex nitgħallmu nkunu iktar empatiċi għas-sentimenti ta’ ħutna l-bnedmin u fejn ma nkunux nistgħu ngħidu kelma ta’ ġid, ma ngħidu xejn.

Alan għamel ‘gastric bypass’ f’Jannar li għadda u llum qed jgħin lil ħaddieħor biex ma jaqtax qalbu u  jieħu pass favur saħħa aħjar. S’issa, tilef 50 kilo u jixtieq jitlef 50 kilo ieħor. Ninsabu fiduċjużi li jirnexxielu. Kuraġġ Alan.

Minn qalbna, nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’ħajtu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com